L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għarfet li l-kollass tal-Tieqa tad-Dwejra hi telfa kbira għall-wirt naturali tal-gżejjer Maltin.
Fi stqarrija qalet li din il-karatteristika kienet parti mis-siti ta’ Natura 2000, fiż-żona ta’ bejn San Dimitri u x-Xlendi. Għalkemm l-inċident huwa sfortunat, ma jnaqqasx l-importanza taż-żona fin-Natura 2000.
Innotat li d-diversi studji mwettqa minn esperti kkummissjonati kollha ndikaw li l-kollass tat-tieqa kien avveniment naturali u inevitabbli. Temmet tgħid li probabbilment kien ir-riżultat ta’ proċess naturali flimkien mar-riħ qawwi li laqat il-gżejjer u l-kurrenti tal-baħar li wasslu għar-riżultat li qed naraw illum.