Malta u l-Partit Laburista llum tilfu politiku ġentlom li f’deċenji li għamel attiv ħadem kemm felaħ favur il-kawża tal-ħaddiem. Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija b’reazzjoni għall-mewt tal-eks Minsitru Laburista, Vincent Moran.
L-eks Ministru u tabib, Vincent Moran, se jibqa’ magħruf għal kemm kien bniedem tan-nies. Sa minn meta kien elett l-ewwel darba fil-Parlament, fl-1962, il-ħidma politika tiegħu dejjem kienet ispirata mill-bżonn jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Il-Partit Laburista fakkar kif it-tabib Moran kien strumentali fis-settur tas-saħħa, fejn kien ħadem għal bidliet li saru fi żminijiet ta’ gvernijiet Laburisti mmexxija mill-eks Prim Ministru Mintoff b’mod partikolari dak tal-1976. Moran baqa’ jgħożż u jgħin lill-pazjenti sakemm baqgħet ittih saħtu.
It-tabib Moran kien ukoll wieħed mill-politiċi Laburisti li għexu ż-żmien iebes tad-dnub il-mejjet. Għal snin twal Moran baqa’ attiv fil-Partit Laburista b’lealtà assoluta lejn l-ideal soċjal-demokratiku.
Xi ħaġa li żgur tibqa’ apprezzata u li sservi ta’ eżempju għal ħafna oħrajn li jridu jinvolvu ruħhom fil-politika, temm jgħid il-Partit Laburista.