Bil-wegħda ta’ Bernard Grech, il-maġġoranza tal-ħaddiema ser ikunu qed jitilfu €90 minn dak li kienu jirċievu f’ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.
Filwaqt li bis-sistema ta’ tax rebate li jrid Bernard Grech, dawk b’paga minima mhux ser ikunu qed jigwadanjaw, ħaddiema li jħallsu €500 ewro taxxa ukoll ser ikunu qed jaraw tnaqqis sostanzjali b’dak li qed jieħdu lura bħalissa permezz taċ-ċekk tar-rifużjoni.
Iżda meta mistoqsi dwar dan Bernard Grech mera dak li wiegħed hu stess.
Kien għalhekk li l-ġurnalist ta’ ONE News urih biċ-ċifri tiegħu stess, kif bis-sistema tiegħu ħaddiem li jħallas €500 taxxa ser ikun qed jara telf ta’ €90 li bħalissa jirċevihom permezz taċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni.
Dan filwaqt li Bernard Grech kompla jmeri s-sewwa magħruf.
It-telf għall-ħaddiema, jekk Bernard Grech isir Prim Ministru huwa ikbar meta wieħed jikkunsidra li bil-proposta tiegħu, il-Partit Laburista jekk jingħata l-fiduċja se jsaħħaħ iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa sa massimu ta’ €165.
Inqas minn erbat’ijiem ’il bogħod mill-għeluq tal-kampanja elettorali u wara li diġà vvutaw eluf ta’ persuni, Bernard Grech baqa’ ma weriex il-costings tal-wegħdiet tiegħu u meta mistoqsi minn ġurnalist indipendenti huwa tenna li dawn għadhom se joħorġu.
Qal, “Il-costings l-oħrajn ser ikunu qed joħorġu kif aħna wegħdnikom mill-ewwel ġurnata li aħna ħriġna l-programm elettorali tagħna u dawn ser noħorġuhom fis-siegħat illi ġejjin, fil-ġranet illi ġejjin.”