Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar it-tnedija ta’ teleskola.mt, sit elettroniku ġdid li se joffri lezzjonijiet lill-istudenti Maltin u Għawdxin f’dan iż-żmien fejn l-iskejjel jinsabu magħluqa. Uffiċjali edukattivi, kapijiet tad-dipartment u għalliema qasmu r-riżorsi tagħhom fuq dan is-sit u b’hekk setgħu jinħolqu mal-1,000 lezzjoni differenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif dan is-sit immirat għal studenti, ġenituri u għalliema, fih materjal għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji. Min juża s-sit jintalab biss jispeċifika liema livell edukattiv, sena u suġġett jixtieq jaċċessa dak il-ħin. Dr Bonnici qal li “dan huwa kunċett li sar mill-edukatuari li jaħdmu mal-Ministeru u ġie mfassal minnhom, sar minnhom kompletament. Huwa xogħol in-house mija fil-mija ta’ dawn in-nies dedikati”.
Il-Ministru Bonnici nnota wkoll li s-sit se jibqa’ jiġi aġġornat b’mod kontinwu anke kif tgħaddi l-pandemija COVID-19, iżda bl-ebda mod mhu se jxekkel jew jieħu post l-edukazzjoni li tingħata lill-uliedna fuq il-bank tal-iskola.