Aktar minn 15,000 persuna għamlu użu minn servizz ġdid li beda jingħata mid-Dipartiment tal-Kura Primarja fix-xhur tal-pandemija, fejn bdiet tingħata konsultazzjoni medika b’forom differenti ta’ komunikazzjoni – bħal Skype u Zoom – 24 siegħa kuljum.
Is-servizz, imsejjaħ Telemedicine, jingħata minn grupp ta’ tobba tal-familja, li huma responsabbli biex jagħtu l-pariri mediċi lill-pazjenti, u jekk ikun hemm bżonn, jibagħtu tobba miċ-Ċentri tas-Saħħa fid-dar tal-pazjent.
B’dan is-servizz, kien qed jinżamm ukoll kuntatt kontinwu ma’ persuni morda bil-COVID-19 li ma kellhomx bżonn jiddaħħlu għall-kura l-isptar.
Fi żjara lit-tobba fiċ-ċentru li qed imexxi dan is-servizz ġdid, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pandemija wasslet biex inħolqu sistemi aktar innovattivi kif il-pazjenti jistgħu jkollhom kuntatt mat-tobba mingħajr ma jiltaqgħu fiżikament.
Dan is-servizz intlaqa’ tajjeb ferm, u għaldaqstant se jibqa’ jingħata anki issa li għaddiet il-pandemija.
Id-Deputat Prim Ministru u l-MInistru għas-Saħħa, Chris Fearne qal: “Is-servizz tat-telemedicine li qed nipprovdu b’numru ta’ tobba erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, qiegħed jiffranka lil numru ta’ pazjenti l-ħtieġa li bilfors iridu jiġu fiċ-ċentru tas-saħħa biex jinqdew. Tant hu hekk li f’dawn ix-xhur diġà ħadu dan is-servizz ħmistax-il elf persuna. Dan ifisser inqas strapazz għal dawn il-persuni, inqas nies jistennew fiċ-ċentri tas-saħħa, fuq kollox servizz aħjar lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.”