Kif żvelajna, il-Partit Nazzjonalista qed iħaddem skema oħra ta’ finanzjament illegali u din id-darba qed jiffroda lill-istituzzjonijiet Ewropej. Telefonati li għamilna fid-Dar Ċentrali huma l-prova li l-ħaddiema tal-MEPS jirrapportaw id-Dar Ċentrali għax hemm huma l-uffiċini tagħhom, kontra r-regoli Ewropej u bi skema ta’ frodi.
Kienet investigazzjoni esklussiva tal-gazzetta KullĦadd kixfet kif il-membri Parlamentari Ewropej qegħdin jużaw spazji fid-Dar Ċentrali u jħallsu għalihom minn flus li l-Parlament Ewropew jgħaddilhom għal għanijiet oħra.
David Casa, Roberta Mestola u Therese Commodini Cachia qed iħaddmu din l-iskema u qed jużaw parti mill-€4,299 li għandhom fix-xahar biex suppost jamministraw uffiċċju fil-kostitwenza. B’hekk il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed idaħħal kemxa tajba fid-Dar Ċentrali.
One News ċempel id-Dar Ċentrali biex jistaqsi appuntament ma’ wieħed mill-MEPs. Dawn mhux suppost iħallsu biex joperaw l-uffiċju tagħhom minn hemm, imma tar-reception, mingħajr tlaqliq, ikkonfermawlna li hekk qed isir.
Ridna nkunu nafu wkoll jekk hux mid-Dar Ċentrali biss qed joperaw, u l-konferma ħadniha mingħajr ma kellna nagħmlu ħafna sforz. B’dan il-mod tar-reception reġa kkonfermalna li l-PN qed iħaddem skema kontra r-regoli tal-parlament Ewropew.
Il-partiti politiċi ma jistgħux jaġixxu hekk b’fondi Ewropej. Aktar tard se niżvelaw li l-MEPS huma konxi ta’ dan u fuq livell Ewropew, provaw iżommu miżuri milli jittieħdu..miżuri li kieku setgħu kixfuhom.
Il-konsegwenzi tal-għemil tal-MEPS Nazzjonalisti Maltin huma serji ħafna. Tant li f’pajjiżi oħra fejn seħħew każijiet smili, investigat il-Pulizija.