Permezz tal-mutur tiegħu Honda Afrika twin, Stephen Formosa ħa jkun qed jgħix avventura ta’ disa xhur. Huwa mistenni li jaqbad triqtu lejn l-Asia billi jieħu l-katamaran lejn Sqallija u imbgħad isalpa lejn l-Italja. Wara permezz tal-mutur tiegħu jivvjaġġa lejn l-Albanija u jibqa jterraq sa Kosovo sakemm jispiċċa fi Sri Lanka. Dan il-vjaġġ mistenni li jieħu 40 elf kilometru. Qed nitkellmu dwar it-tieni sensiela tal-programm ‘Id-Dinja Mutur’.
Barra l-avventura, l-kultura u n-natura, fl-edizzjonijiet li jmiss ta’ Id-Dinja Mutur se twasslilna il-proġetti ta’ Missio Malta fil-pajjiżi ta’ kull fejn se nkunu qed inżuru.
Fl-ewwel sensiela tal-programm ‘Id-Dinja Mutur’ l-avventura kienet iffukata fi 11-il pajjiż fl-Afrika. Robert Farrugia li jagħmel parti mill-produzzjoni ta’dan il-programm, qasam magħna il-ħsieb wara t-tieni sensiela tal-programm ‘Id-Dinja Mutur’ li mistenni li jibda jixxandar fil-ġejjieni fuq One.
“Bħal m’għamilna fl-ewwel sensiela li rajna l-pajjiżi Afrikani, iol-proġetti li għamlet Missio, anki fit-tieni sensiela se nżur l-Asia, ħa nkunu qed naraw proġetti li għamlu l-Missio. Programm ta’ divertiment b’laqta wkoll biex naraw il-flus li nġabru fejn qed immorru. Bħalissa għaddejjin bil-loġistika ta’dawn il-pajjiżi li nkunu qed inżuru u qed noqorbu lejn it-tmiem, biex Stephen ikun jista’ jibda din l-avventura ġdida fl-Asia, li huwa daqsxejn differenti għax fl-Afrika kienu jitkellmu bl-Ingliz filwaqt li fl-Asia se jkollu laqta daqsxejn differenti b’lingwi differenti. Issa naraw.”
Robert Farrugia
Minn Ottubru li ġej, se nkunu nistgħu niskopru aktar dwar dan il-proġett u l-vjaġġ ta’ Stephen Formosa fil-programm ‘Id-Dinja Mutur’. Se ngħixu flimkien u naraw l-iżviluppi ta’ din l-avventura.
“Din id-darba qed nippreparaw b’mod differenti b’mutur ġdid, Wasalna lejn l-aħħar, jekk Alla jrid nitilqu ftit jiem wara llum. Inkun eċitat, l-preparamenti jkunu uġiegħ ta’ ras, nagħmel ċert li kollox hemmhekk. M’hemmx aktar x’inżid, segwuna.”
Stephen Formosa