Laser Engineering and Development Limited hija kumpanija li permezz ta’ riċerka ħarġet b’mod ġdid ta’ kif 3D Printer tista’ tkun iżjed effiċjenti fl-istampar.
Dan permezz ta’ biċċa apparat addizzjonali magħrufa bħala ‘3D printing head’.
Dan il-proġett kien iffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija b’investiment ta’ mitejn elf ewro taħt il-Programm Nazzjonali R&I FUSION.
Ma’ ONE News, id-Direttur ta’ Laser Engineering and Development Limited, spjegalna kif il-kumpanija ħadmet mal-Università ta’ Malta sabiex mas-sistema tal-istampar ikun hemm laser li jnaqqas il-ħin fl-istampar.
Qal kif, “Ħloqna il-filament speċjali biex jieħu ir-radjazzjoni iżjed u allura mhux biss il-filaments li diġà jeżistu imma filament ġdid li ħa jaqbel ħafna mal-laser u allura dak li tkun qed tipprintja ħa jkun iżjed b’saħħtu u tkun tista’ tipprintjah iżjed malajr.”
Id-direttur saħaq ukoll li t-3D printing li tuża l-kumpanija bħalissa hija fraġli ħafna u għalhekk permezz ta’ din it-teknoloġija ġdida din il-problema se tiġi eliminata.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet relatata ma’ dan il-proġett, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pulicino Orlando stqarr li l-kunsill se jkompli jappoġġja dawn it-tip ta’ proġetti.
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, li wkoll kien preżenti, saħaq li dawn l-iżviluppi fit-teknoloġija se jiftħu iżjed opportunitajiet fl-industrija.
Spjega kif, “Issa l-pass li jmiss huwa li din ir-riċerka ġdida, innovazzjoni li saret frott ir-riċerka tiġi kkommerċjalizzata sabiex din l-idea tkun tista’ tagħmel differenza fil-kwalità tas-servizzi li jingħataw fuq bażi industrijali.”