Tim ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta ħolqu teknoloġija ġdida li għandha l-għan li taqbad avvenimenti li jsiru f’veloċita b’saħħitha minn ħafna perspettivi fl-istess ħin.
Dan il-proġett bl-isem ta’ Memento huwa bbażat fuq sett ta’ teknoloġija marbuta mal-kamera u propjetà intellettwali stabbilita mid-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi.
L-Inġinier Marc Anthony Azzopardi għan-nom ta’ MEMENTO qal li dan il-prodott ġdid se jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ żewġ swieq fl-istess ħin. L-ewwel suq huwa dak tax-xjenzi u dan bis-saħħa tal-ħolqien ta’ kamera finanzjarjament affordabbli.
It-tieni suq huwa dak marbut max-xandir jew iċ-ċinematografija bil-għan ikun li dan is-suq jiġi servut b’soluzzjoni ta’ immaġini affordabbli imma versatili.
Azzopardi qal li l-abbiltà li diversi kameras jiġu kkordinati b’mod perfett twassal għal ħafna opportunitajiet tekniċi, inkluż fir-rikostruzzjoni 3D.
Qal, “Hemm ħafna użi, u aħna konna attenti li niddisinjaw il-prodott b’mod u manjiera biex ikun applikabli għal aktar minn settur wieħed.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullcino Orlando sostna li dan il-proġett huwa wieħed minn ħafna proġetti li gawdew minn finanzjament għar-riċerka taħt il-programm tal-Fusion.
Qal, “Il-Kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija onorat li mexxa l-akbar fond għar-riċerka applikata f’ pajjiżna. Il-Fond jissejaħ il-Fusion Fund u dan il-programm jgħin fil-fażijiet inizjali tal-commercialism, potenzjal ta’ kwalunkwe proġett”.
Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19, Owen Bonnici sostna kif l-innovazzjoni hija l-mutur li tmexxi l-pajjiżna u l-bqija tal-Ewropa lejn il-futur.
Dr Bonnici enfasizza l-importanza tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, li min-naħa tiegħu jiġġenera iktar ġid ekonomiku u qal li l-Gvern se jkompli jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu.
Spjega, “Din hija innovazzjoni, hija riċerka li ħolqot xi ħaġa ġdida fejn jidħol il-qasam tal-kameras li jieħdu ritrati minn angoli differenti fl-istess ħin ta’ oġġett li ikun għaddej b’veloċità qawwija.”