Nathalie Bonello ta’ 45 sena minn Marsaskala kienet ikkundannata għal 30 xahar ħabs wara li wieġbet ħatja fuq erba’ każijiet ta’ serq.
Dawn il-każijiet kollha seħħu fuq anzjani li l-età tagħhom tvarja minn sebgħa u sebgħin sena għal tnejn u disgħin sena.
Bonello kienet diġa ttellgħet il-qorti l-ġimgħa l-oħra fuq serq ta’ ġojjellerija minn fuq anzjana fl-Imsida. Hi kienet wieġbet mhux ħatja u nżammet arrestata.
Il-Maġistrat Neville Camilleri stqarr li l-ħatja għandha bżonn għajnuna u b’hekk ordna lil Bonello biex tibda tattendi programm ta’ rijabilitazzjoni għall-problema tad-droga.
Dan filwaqt li Jasmine Azzopardi li għandha 43 sena minn Raħal Ġdid ddeċidiet li tibqa’ siekta wara li ttellgħet mixlija li serqet ġojjellerija mingħand anzjana ta’ 79 sena.
Hi kienet akkużata wkoll li kisret kundizzjonijiet ta’ sentenza li ngħatat fl-2015. Il-mara baqgħet arrestata.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/13/solvuti-erba-serqiet-fuq-anzjani-minn-persuni-li-allegatament-inqdew-bil-pandemija/