17.20pm: Il-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermaw ma’ one.com.mt li n-nies abbord id-dgħajsa ttellgħu fuq l-art minn dinghy li nzerta kien fiż-żona. Għadu mhux magħruf in-numru ta’ passiġġieri abbord iżda jidher li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident
Aktar kmieni: Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Pulizija tad-Distrett għaddejjin b’operazzjoni fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa wara li dgħajsa għerqet. Il-Pulizija ikkonfermat ma’ one.com.mt li sar rapport fejn dehru xi flares mixgħula.
Meta l-membri tal-armata marru bil-patrol boat, sabu d-dgħajsa taħt il-baħar bil-magna biss tidher f’wiċċ l-ilma.
Huwa mifhum li l-persuni abbord id-dgħajsa telgħu l-art, madanakollu sa issa għadu xejn konfermat minħabba li l-persuni għadhom ma nstabux.
Bħalissa ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta qed jittajjar fl-inħawi għal aktar tfittxija.