Dan l-aħħar, f’Wied il-Qlejgħa jew kif inhu magħruf ukoll bħala Chadwick Lakes xi nies waddbu speċi invażivi li jagħmlu ħsara lill-ekosistema tal-wied.
Benjamin Camilleri mill-għaqda ambjentali Nature Trust, li hi inkarigata biex tirrijabilita l-wied wara ftehim mal-Gvern, spjega kif fil-wied intefgħu speċi bħal ħuta l-ħamra magħrufa bl-Ingliż bħala goldfish, kif ukoll l-karpjun, bl-Ingliż imsejħa koi fish.
Dawn l-ispeċi jagħmlu ħsara kbira meta l-bniedem jitlaqhom fis-selvaġġ għaliex dawn jispiċċaw anki jieklu l-frieħ taż-żrinġ.
Jirriżulta wkoll li anki papri kien hemm fil-post li mbagħad tneħħew biex ma ssirx iżjed ħsara.
Is-Sur Benjamin Camilleri, li huwa Uffiċjal tal-Nature Trust spjegalna: “Jiġiferi aħna wkoll flok qegħdin nużaw ir-riżorsi biex intejbu l-ambjent jew nimxu ’l quddiem, qegħdin dejjem nużawhom biex l-ambjent ikompli jmur lura allura din hija problema kbira u nies bħali li nieħu ħsieb dawn ir-riżervi nispiċċaw ninħlew fuq l-operazzjonijiet superfiċjali milli propju fuq l-ekosistema nnifisha u fejn għandha tmur hi.”
Ma’ dak li saħaq tan-Nature Trust kompla Neil Azzopardi Ferriggi, l-Uffiċjal Amministrattiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li saħaq kif wieħed għandu jġib rispett lejn ix-xogħol li qed isir.
Azzopardi Ferriggi stqarr: “Sfortunatament għad hawn diversi off-roaders li għadhom qed jiġu jagħmlu użu minn dan il-post li qed iħallu impatt ħażin fuq il-konservazzjoni u fuq il-biodiversità ta’ dan il-wied, allura ma jistax ikollok proġett ta’ ħames miljun ewro li huwa għaddej b’rispett sħiħ lejn in-natura u mbagħad il-bniedem li qed, kif tista’ tgħid, iħassar dak li qed jagħmel dan il-proġett.”
Żied jispjega li fl-aħħar jiem twaħħlu plakek b’informazzjoni fuq l-ispeċi li jeżistu f’din ir-riżerva sabiex dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona jkunu jistgħu jitgħallmu fuq il-biodiversità ta’ dan il-wied.