Bejn id-19 u l-21 ta’ Settembru li ġej se tkun qed tittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ TechXpo Malta 2023 fl-MFCC Ta’ Qali – avveniment għall-entużjasti tat-teknoloġija, iżda spazju biex l-industrija Maltija tesebixxi l-investiment li qed issir fit-teknoloġija.
TechXpo Malta se tkun maqsum fuq tlett ijiem, jumejn f’expo għan-negozji u ġurnata miftuħa għall-pubbliku inġenerali.
Dan l-avveniment għandu l-għan li jservi bħala pjattaforma fejn wieħed jesplora l-oqsma dinamiċi tal-intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji emerġenti, netwerking għan-negozju u opportunitajiet ta’ karriera.
L-ewwel jumejn se jkunu ddedikati għan-negozji biex jingħaqdu, flimkien f’opportunità ta’ skambju bejn professjonisti, imprendituri, startups, fost l-oħrajn.
Matul l-ewwel jumejn, il-Ministri tal-Ekonomija minn disa’ pajjiżi tal-Mediterran se jingħaqdu flimkien f’laqgħa importanti fejn matulha se jiġu dikussi bosta temi b’rabta mal-iżvilupp ekonomiku u l-użu tat-teknoloġija. Il-Ministri wara se jingħaqdu f’numru ta’ workshops li ser jsiru matul il-jum.
Dawk li jixtiequ jattendu għandhom jirreġistraw b’xejn fuq www.techxpo.eu.
Sadanittant fil-21 ta’ Settembru, TechXpo se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-għaxra filgħodu sal-ħamsa ta’ waranofsinhar. Id-dħul għal din l-attività hu b’xejn. Din hija opportunità għad-dilettanti tat-teknoloġija u dawk li qed ifittxu xogħol, biex isiru jafu aktar dwar it-teknoloġija li tifforma l-industrija ta’ Malta.
L-avveniment qed jiġi organizzat bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet.