Teatru Manoel bi pjaċir jippreżenta ‘The Grand Tour of Teatru Manoel’, tour uniku tat-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna b’kollaborazzjoni ma’ House of Tours.
Dawn it-tours li se jitmexxew mill-gwida professjonali u attur Jeremy Grech se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30am u f’12.00 u jibdew mit-30 ta’ Lulju. Permezz ta’ dan it-tour animat li jdum madwar siegħa, wieħed se jkollu l-opportunità li jesperjenza b’mod innovattiv, edukattiv u animat, l-istorja rikka u l-atmosfera unika li jaf joffri biss it-Teatru Manoel.
Dan it-tour huwa esperjenza teatrali fih innifsu peress li joffri lit-turisti kif ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin l-opportunità li jaraw wieħed mill-isbaħ siti storiċi ta’ pajjiżna u jesperjenzaw it-teżori moħbija li jinsabu fih.
It-Teatru Manoel kien inbena u kkummissjonat mill-Gran Mastru Antonio Manoel De Vilhena fl-1731. Huwa wieħed mill-eqdem Teatri Barokki fl-Ewropa u wieħed mill-eqdem teatri li għadhom jiffunzjonaw madwar id-dinja kollha.
Dawk li se jattendu għal dan it-tour se jkollhom ukoll l-opportunità li jaraw uħud mill-kostumi oriġinali li jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Kostumi tat-Teatru Manoel b’kollezzjoni ta’ iktar minn 10,000 kostum. Dawn il-kostumi ġew meħjuta mill-ħajjata tat-Teatru Manoel u għalhekk il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw kif kull kostum għandu dettall partikolari li nħadem b’teknika mill-aqwa.
Apparti l-kostumi, wieħed jista’ jara wkoll uħud mill-iktar props antiki li kienu jintużaw fit-Teatru qabel ma ġiet introdotta t-teknoloġija moderna kif nafuha llum, fosthom magna tar-riħ, ‘thunder roller’ u ‘rain box’.
It-tnedija ta’ dawn it-tours se tkun qed tiċċelebra wkoll ix-xogħol ta’ wieħed mill-aqwa xenografi li qatt kellu t-Teatru Manoel, Marco Joseph Bartolo, li sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-jiem ilu. Bħala apprezzament għall-ħidma kbira tiegħu fi ħdan it-Teatru, se jkunu qed jiġu esebiti uħud mix-xogħlijiet tiegħu.
Għall-ewwel darba, dawn it-tours se jkunu aċċessibbli għal kulħadd peress li issa t-Teatru Manoel għandu l-faċilità tal-użu ta’ lift li kien installat iktar kmieni din is-sesna. Dan se jservi sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jesperjenza dak kollu li joffri t-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna.
Il-prezz ta’ dawn it-tours se jkun ta’ €20 għal kull biljett u kull grupp se jkun limitat għal 30 persuna. Matul l-istaġun tas-sajf, it-tours se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30am u f’12.00 filwaqt li fix-xitwa jsiru fil-11.00am u fit-3.00pm. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew iċempel fuq 2124 6389.