“Il-programm ta’ Teatru Malta qed jgħin biex tintlaħaq il-mira ta’ dan il-Gvern rigward l-istrateġija kulturali. Bil-programm immirat għal kulħadd, l-arti u l-kultura huma aktar aċċessibbli għall-komunità. Dan kien pass meħtieġ għall-isfera kulturali tagħna. Aħna nemmnu li dan il-programm huwa prova li aħna, bħala Maltin, nieħdu t-teatru bis-serjetà. Qed naħdmu ma’ professjonisti; il-komunitajiet, fil-periferiji u l-ispazji. Qed nassiguraw li t-teatru tagħna jkun rilevanti u eċċellenti. Huwa bi pjaċir li jien qed nappoġġja dan il-programm,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
“Tmintax-il proġett għall-2018. M’hemmx dubju li Teatru Malta se jibda fuq nota tajba. It-teatru nazzjonali qed jiżdied mal-lista twila ta’ inizjattivi li jagħtu ħajr lill-Kapitali Ewropea tal-Kultura għar-rieda li tikkollabora ma’ entitajiet bħal Teatru Malta. Aħna ħdimna id f’id biex nipproduċu proġetti ma’ clubs tal-banda, skejjel u proġett fuq skala kbira ġewwa Għawdex. Aħna ħerqanin għall-ewwel programm ta’ Teatru Malta,” kompla ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef.
“Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa kburi bl-ewwel programm ta’ Teatru Malta. Aħna nemmnu li dan il-programm qed jisfida l-limiti tat-teatru f’Malta. Din kienet ir-raġuni għaliex ridna li jitwaqqaf Teatru Malta, għaliex ridna teatru nazzjonali mingħajr ħitan, mingħajr bibien iżda b’ħafna u ħafna enerġija,” qalet l-aġent Chair tal-Kunsill Malti għall-Arti, Annabelle Stivala Attard.
“Xi darba Teatru Malta kienet biss inizjattiva fuq il-karta; issa dan il-programm qed jagħti ħajja lil din l-idea,” qal id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, li tnieda ġewwa t-Teatru Pandora fost l-entużjażmu tal-artisti u tal-komunità tat-teatru. “Dan huwa l-ewwel programm tagħna, programm li fih nittamaw li kulħadd se jsib xi ħaġa li tolqtu – jista’ tkun li ttih gost, tiddisturbah, taffaxxinah jew tgħaġbu. Hawnhekk, aħna nemmnu li t-teatru jista’ jagħmilna kollha nies aħjar. Nispera li aħna se nagħtu s-sehem tagħna lejn dan,” ikkonkluda Buhagiar.
Teatru Malta tnieda fl-2017 u tul dik is-sena kienu organizzati attivitajiet immirati biex jinstema’ leħen il-komunitajiet, biex jinħolqu xogħlijiet u, aktar minn hekk, biex Teatru Malta jitgħallem. Il-programm ħoloq 18-il proġett, fosthom 12-il produzzjoni teatrali, opra għat-tfal (Il-Qtates ta’ max-Xatt) u operetta (Il-Madonna tiegħi aħjar minn tiegħek) li tittratta l-festi lokali. Il-produzzjonijiet huma kollha varjati, b’temi li jmorru mill-boxing, għall-esplorazzjoni tat-tisfir tal-għasafar.
Teatru Malta stabbilixxiet għadd ta’ kollaborazzjonijiet għal dan il-programm, fosthom ma’ entitajiet bħall-British Council, l-Assoċjazzjoni tal-Football ta’ Malta, Spazju Kreattiv, it-Teatru Manoel, l-MADC, is-CRPD, Valletta 2018 u bosta oħrajn. Apparti dan, Teatru Malta qed jikkollabora wkoll ma’ aktar minn għoxrin artist internazzjonali matul il-programm.
Teatru Malta se jkun qed iżur ukoll għadd ta’ postijiet li normalment ma jiġux assoċjati ma’ produzzjonijiet teatrali fil-ħames reġjuni ta’ Malta fi spazji bħall-Ground Nazzjonali, it-Teatru tal-Komunità ta’ Monte Carmeli, każini, clubs tal-banda, skejjel, u anke produzzjoni fuq skala kbira ġewwa Għawdex.
Tnediet ukoll il-website biex tippromovi l-programm, u din se sservi bħala l-pjattaforma ewlenija ta’ Teatru Malta. Għal aktar tagħrif dwar il-programm ta’ Teatru Malta, wieħed jista’ jżur www.teatrumalta.org.mt jew iċempel fuq 21220255.