Il-kumpanija Teatru Malta ħarġet b’kunċett ġdid bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ŻiguŻajg, il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ.
L-ispettaklu huwa bbażat fuq il-monologu femminista tal-1976, Alice nel paese senza Meraviglie ta’ Franca Rame u Dario Fo, li kien ispirat mir-rumanz klassiku tat-tfal ta’ Alice’s Adventures in Wonderland.
Din il-produzzjoni se tkun differenti minn kwalunkwe produzzjoni li saret minn Teatru Malta, minħabba li l-ispettaklu flimkien ma’ din il-pupa se jintbagħtu fl-iskejjel u fl-għaqdiet.
Id-disinjatriċi tal-produzzjoni Francesca Mercieca spjegat ma’ ONE news kif din il-produzzjoni hija ispirata mill-ideali tas-soċjetà.
Qalet kif, “Ħloqna mudell, il-pupa krejajna wiċċha u l-wiċċ biex nagħmlu rasha kellna noħolqu l-facial expression allura kien hemm ċertu riċerka anke eżempju r-ras hija waħda mill-ftit affarijiet għax kellna anke l-kostum u x-xagħar.”
Id-direttur Artistiku ta’ Teatru Malta u ta’ din il-produzzjoni Sean Buhagiar qal kif dan il-proġett qiegħed iwassal messaġġ kruċjali permezz tat-teatru u l-arti.
Spjega kif, “Fl-aħħar mill-aħħar aħna nħeġġu l-iskejjel biex jaraw x’inhi din il-pupa, x’inhi din l-istorja u kif iseħħ biex xorta nwasslu tip ta’ tejatru live ġewwa skejjel fuq suġġetti li huma mportantissimi.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Josè Herrera nnota l-għaqal tal-Gvern li ddedika niċċa biex tieħu ħsieb id-drittijiet fosthom tan-nisa fis soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ugwaljanza Rosianne Cutajar qalet kif il-vjolenza mhix fantaxjenza imma realtà u Teatru Malta żewweġ dawn iż-żewġ kuntrasti flimkien artistikament.