“Dak li qed nipproponu nistgħu nwettquh. Inwettquh għax għandna l-kredibbiltà politika u ekonomika.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fil-Mosta u propju fl-istess jum li ħarġet konferma oħra li s-sena li għaddiet l-ekonomija Maltija mhux talli reġgħet laħqet il-livelli ta’ qabel il-pandemija, iżda qabżithom.
Robert Abela semma kif Malta kellha 9.4% tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross, ħaġa li tkompli tikkonferma kif il-pjan tal-Partit Laburista għall-futur hu mibni fuq is-sod.
Quddiem Oppożizzjoni negattiva li ma tifraħx għas-suċċessi li għamlet Malta, Dr Abela qal kif f’dawn iż-żminijiet huwa ra poplu li fehem li kellu tmexxija b’saħħitha, b’poplu wieħed u ħabrieki.
“Ħaġa waħda ma kinux qed jaraw, il-kuluri abjad u aħmar. Li l-poplu Malti jagħraf u jifhem bejn dak li hu ġust u dak li mhux. Poplu li fehem li kellu u għandu tmexxija li wettqet sensiela ta’ riformi kbar. Fuq kollox ma kienux jaraw dak li kont qed nara jien. Poplu wieħed. Poplu ħabrieki.”
Robert Abela – Prim Ministru
Fil-Mosta quddiem folla mdaqqsa li tat merħba sabiħa lill-Prim Ministru, Dr Abela semma s-suċċess qawwi li Gvern Laburista wettaq fil-qasam tax-xogħol, b’Malta, anke fi żminijiet ta’ pandemija, irnexxielha tkompli tnaqqas il-qgħad.
“F’pandemija rnexxielna nnaqqsu l-qgħad b’terz. F’Jannar il-qgħad niżel għal livelli rekord u komplejna nnaqqsu fuqu fi Frar. Wieħed minn kull tliet persuni li kienu jirreġistraw sentejn ilu, waqt il-pandemija, illum qed jaħdmu! Daqshekk b’saħħtu Team Malta meta jaħdem flimkien!”
Robert Abela – Prim Ministru
Ma naqasx li l-Prim Ministru jsemmi r-riżultati pożittivi li kisbet Malta fl-aħħar xhur.
Hawnhekk huwa qal li Gvern Laburista ħadem u investa kemm felaħ sabiex jilħaq bosta miri li l-għan warajhom hemm il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Ġie mument fejn qalulna li fl-2023, jigifieri s-sena d-diehla, jintlaħaq dak li kellna qabel il-pandemija. Iżda, lit-tim tiegħi kont ċar miegħu. Ara ma nieqfux naħdmu! Ara ma nikkuntentawx b’dawn il-miri! Imbagħad ġiet il-Kummisjoni Ewropeja u r-rating agencies u tejbulna l-miri għax rawna qed naslu qabel. Qalulna f’nofs l-2022 tilħqu l-livell tal-2019. Qawwejna qalbna u għamilna l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna. Biex minflok fis-sajf naslu qabel. U llum toħroġ l-istatistika uffiċjali u għandna l-konferma li l-magna ekonomika ta’ Tim Malta ma waqqafha xejn! Li għandna l-aqwa livell ta’ konsum privat fl-istorja! L-aqwa livell ta’ mpjieg fl-istorja! L-aqwa livell ta’ nvestiment fl-istorja! L-aqwa livell ta’ Ġid Nazzjonali fl-istorja!”
Robert Abela – Prim Ministru
B’referenza għat-tmexxija waqt pandemija, Dr Abela qal kif Gvern Laburista salva l-ħajjiet, filwaqt li ra li l-pajjiż jibqa’ għaddej u ma jistaġnax.
Il-Prim Ministru, bl-għajta pożittiva ta’ Malta Flimkien, b’mod ċar qal li jekk il-poplu jtih il-fiduċja fis-26 ta’ Marzu, il-futur u ż-żmien li ġej se jkun wieħed sabiħ.
“Li jekk tagħtuni l-fiduċja tagħkom fis-26 ta’ Marzu nibdluhom f’elf kisba ġdida. Bħalma kont it-tarka tagħkom fi żmien il-maltemp. Jien lest biex bil-fiduċja tagħkom immexxi lil dan il-pajjiż fiz-żmien li ġej. Żmien eċitanti. Żmien fejn l-isfidi li ltqajna magħhom nużawhom bħala l-opportunità biex inġeddu.”
Robert Abela – Prim Ministru