Grupp ta’ ċiklisti Maltin jistgħu jgħidu li kellhom esperjenza ta’ darba. Esperjenza li setgħat tkun tal-biża, imma skont kif irrakkontalna Fabio Spiteri, kienu siguri f’kull ħin.
Tmintax-il ċiklist Malti, partim minn traning camp taħt l-isem ‘Team Fabio’ kien viċin l-Etna meta żbroffa llum. Però inzertaw kienu sejrin man-nofsinhar tal-vulkan, u mhux fejn żbroffa. Fabio irrakkonta li semgħu ħoss kbir u dik li ddeskriva bħala ‘mushroom cloud’ ftit bogħod minnhom. Enfasizza madanakollu li fin-naħa tagħhom ma kienx hemm periklu. Raw helikopters u ambulanzi għaddejjin u semgħu li kien hemm ħaddiema tal-aġenzija tal-aħbarijiet BBC li ndarbu meta żbroffa l-vulkan. Infatti fi tweet, l-aġenzija tal-aħbarijiet ikkonfermat: “Many injured – some head injuries, burns, cuts and bruises”.
Jidher li l-lava tħallat mal-fwar ikkaġunat mill-vulkan stess, u dan wassal għal splużjoni qawwijja, b’riżultat li grupp tal-BBC u numru ta’ turisti sofrew ġrieħi hekk kif niżlet fuqhom xita ta’ ġebel jikwi u fwar. Tmienja ndarbu b’kollox u sitta spiċċaw l-isptar.
Team Fabio mbagħad qabdu t-triq għan-niżla, u bi ħsiebhom ikomplu bit-taħriġ tagħhom, li se jkun dam ġimgħa b’kollox.