Simon Busuttil ħaġa waħda kien qal sew, u ma kienx qed jigdeb : “Iva Politika onestà tista’ tirbaħ kontra l-gideb għax nemmen li s-sewwa jirbaħ żgur.” Jekk mhux politiku għall-inqas hu profeta, u kif nafu profeta mhux meqjus f’pajjizu stess ! U ma jistax ikun profeta fuq innifsu. Imma fuq Joseph Muscat kien.
Meta kont rajt lil Joseph Muscat jiċħad, u fuq kollox jitlob hu stess li tibda nkjesta, u kif kienet qed tittella’ l-montatura kollha, kont aktar minn persważ li Joseph u martu ma kellhomx faħam miblul. Meta wieħed jesponi ruħu għall-inkjesta, jekk ikollu x’jaħbi, ma jafx fejn se jasal min ikun qed jinvestiga. Normalment, jieħu attitudni ta’ sfida, u jgħid “ġibuli l-provi.” Joseph m’għamilx hekk. Lill-maġistrat inkwirenti (li ma setax jaf min kien se jkun) qallu fittex u qalleb fejn trid u kif trid.
Qatt rajtu fuq it-tv meta jkun hemm xi inkjesta fis-senat amerikan? Mhux wieħed u tnejn jagħżlu li ma jixhdux għaliex jipprevalixxu ruħhom mill-5th Amendment. Dan ifisser li ma jridx jixhed, għax jista’ jinkrimina ruħu. Mhux għax bil-fors għamel il-ħażin, imma jipproteġi lilu nnifsu b’dak il-mod. Maġistrat inkwirenti wkoll għandu obbligu li jwissi bniedem suspettat qabel jagħmillu mistoqsijiet. Joseph u martu marru b’wiċċhom minn quddiem, u ma riedu l-ebda protezzjoni.
Issa ġie Pierre Portelli jgħid li dejjem kellu fiduċja fil-maġistrat. Qisu jrid l-approvazzjoni tiegħu. Hu kien xhud, u mar jixhed kif kien obbligat, u ħareġ ta’ dak li hu. Li hu superfiċjali fix-xogħol tiegħu, għax jekk inti ġurnalist taparsi investigattiv, l-ewwel ma tagħmel teżamina kull biċċa informazzjoni u tittestja hix vera jew le. Tiftakru dawk iż-żewg ġurnalisti Amerikani kemm ħadmu bir-reqqa, u ġabu lill-President Nixon dahru mal-hajt li kellu jirrizenja ?
Imma din ma kenitx ħaġa daqstant fidila li “l-ġurnalisti nvestigattivi” belgħuha. L-istorja ta’ manuvri toħroġ ċar mill-konstatazzjoni li jagħmel il-maġistrat Aaron Bugeja li sab li x-xhieda ewlenin ħawdu bejniethom. Mhux Joseph u martu. Għax min jagħmel il-kawlati, iħalli r-rieħa warajh.
Kienet maħsuba li jkollha effett fuq l-elezzjoni, tant li Simon Busuttil il-profeta rikeb fuqu, u ħlief Egrant ma semmiex, apparti l-€10000 għal min imur joqgħod Għawdex. Li ġara pero’ li l-profezija ta’ Simon “li politika onesta tirbaħ kontra l-gideb” seħħet. L-ewwel seħħet fl-elezzjoni ta’ sena ilu. It-tieni biċċa tal-profezija twettqet bir-riżultat tal-inkjesta. Is-sewwa jirbaħ żgur.
Għalhekk xieraq li nkantaw Te Deum Laudamus….li tfisser infaħħruk Mulej.
Kien ikun għajb kbir għal pajjiżna li kieku kien hemm xi ħaġa bħal dik. Ma kienx hemm u ħammġu isem Malta ma’ kullimkien.
Issa kont se ninsa. Joseph Muscat u martu żgur ma kenux qed jibżgħu minn Daphne Caruana Galizia u kellhom xi interess li jeqirduha, miskina bhala bniedma. Kontrieha u kontra Pierre Portelli kellhom il-profezija ta’ Simon, li s-sewwa jirbaħ żgur. Te Deum Laudamus.