Il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’il fuq it-tbassir tagħha dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna juri stabilità fl-ekonomija Maltijat
Dan intqal mill-ekonomista Clint Flores f’intervista ma’ ONE News, b’reazzjoni għat-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għar-Rebbiegħa, li ġie ppubblikat it-Tnejn. Fih ħareġ li pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku din is-sena u s-sena d-dieħla.
“Tat stabbiltà biex imbagħad, wara, waslet għal tkabbir ekonomiku, u jidher b’mod pożittiv illi l-Kummissjoni Ewropea rrevediet anki r-reviżjoni tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, minn wieħed għal aktar milli dak illi kien previst is-sena l-oħra. Għaliex? Għaliex kellna issa, u se jkollna, it-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku anki fl-Unjoni Ewropea, u mhux biss din is-sena, anki s-sena d-dieħla.”
Clint Flores qal li l-inflazzjoni, anki f’Malta, se tibqa’ għolja, bħalma hu l-każ fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, iżda mistennija tonqos bin-nofs sas-sena d-dieħla. L-inflazzjoni mistennija tinżel fl-istess livell ta’ qabel il-gwerra fl-Ukrajna.
Innota kif dan it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea jgħid ukoll li d-dejn nazzjonali mistenni jibqa’ taħt is-sittin fil-mija, waqt li tkellem ukoll dwar id-defiċit.
“Id-defiċit huwa wieħed xorta waħda ftit għoli għax, ovvjament, il-Gvern issussidja dak kollu illi hemm bħalissa, fuq l-enerġija u fuq fjuwil. Jidher illi xorta waħda, is-sena d-dieħla, fl-2024, id-defiċit ta’ Malta se jkun inqas minn dak tal-Belġju, pereżempju.”
Huwa nnota li d-defiċit tal-Belġju se jkun akbar minn dak ta’ Malta, minkejja li l-Gvern Belġjan mhux jgħin lin-nies fil-kriżi tal-enerġija bl-istess mod kif qed jagħmel il-vern Malti.
Dan meta l-Gvern Malti investa biljun ewro, is-sena l-oħra u din is-sena, sabiex iżomm, fost l-oħrajn, il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli.
“B’dak kollu li ta l-gvern Malti, bis-sussidju u bl-għajnuna kollha li ta waqt il-pandemija, jidher li se jkun deċifit inqas minn dak li għandu, pereżempju l-Belġju, li anki qed iħossu wkoll ċertu tensjonijiet soċjali.”
Clint Flores qal li l-Gvern se jkompli għaddej għax għandu pjan ekonomiku li hu rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea.
Pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla.
Dan filwaqt ir-rata ta’ impjiegi se tibqa’ b’saħħitha, waqt li r-rata tal-qgħad se tibqa’ fost l-aktar baxxi fl-istorja ta’ pajjiżna.