L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum ppreżenta t-tbassir tat-traffiku tiegħu għall-2018, fejn żvela li qed jistenna li jesperjenza aktar tkabbir tul is-sena li ġejja sabiex jilħaq total ta’ 6.5 miljun passiġġier.
Dan it-tbassir ġie ppreżentat waqt il-konferenza stampa tat-traffiku annwali tal-ajruport, jiem biss wara li listess ajruport ħabbar li kien laqa’ s-sitt miljun passiġġier tiegħu għall-2017 u b’hekk kiser kull rekord tattraffiku preċedenti. L-2017 ġiet fi tmiemha b’6,014,548 moviment tal-passiġġieri, li jsarrfu f’żieda notevoli ta’ 17.5% fuq l-2016; jiġifieri l-aktar rata mgħaġġla ta’ tkabbir ta’ kull żmien.
Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 15% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 18% fin-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Minkejja li dawn il-postijiet żdiedu, is-seat load factor (SLF) għas-sena baqa’ wieħed għoli ta’ 82.4%, f’konformità mat-tendenza osservata fl-Ewropa.
L-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-2017 kienu r-Renju Unit (+8.9%), l-Italja (+14.8%), ilĠermanja (+20.9%), Franza (+20.6%), u l-Belġju (+109.2%).