Skont il-Bank Ċentrali ta’ Malta, din is-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber b’4.9%.
Dan huwa kważi żewġ punti perċentwali aktar, jew darba u nofs, ir-rata ta’ tkabbir li sa sena ilu l-Bank Ċentrali kien qiegħed ibassar għall-2016. It-tbassir tal-Bank Ċentrali jiżboq sewwa dak magħmul mill-Gvern u minn aġenziji internazzjonali.
L-esperti tal-Bank Ċentrali jinnutaw li, minkejja li pajjiżna kellu ‘three years of strong expansion inkluż record-high fl-2015’, xorta qed jistennew li t-tkabbir ekonomiku jibqa b’saħħtu.
Fi stqarrija tal-gvern intqal li l-Bank Ċentrali qed ibassar li d-domanda domestika ser tibqa’ l-mutur tat-tkabbir ekonomiku.
Il-konsum privat ser ikompli jiżdied b’mod sinifikanti, xprunat minn titjib fid-dħul tal-familji. Fil-fatt, il-pagi mistennija jogħlew bi kważi 2% din is-sena, jew bi kważi tliet darbiet iktar mir-rata tal-inflazzjoni.
Filwaqt li l-Gvern mistenni jillimita l-ispiża tiegħu tant li d-deficit se jonqos taħt il-1% għall-ewwel darba fl-istorja, il-Bank Ċentrali qed jistenna li l-investiment privat jkompli jiżdied din is-sena minkejja t-tkabbir qawwi li diġà kien osservat fl-2015.
Fost l-oħrajn, l-esperti tal-Bank Ċentrali jsemmu l-andament tajjeb fil-qasam tal-kostruzzjoni li qed ikun affetwat pożittivament minn inċentivi li qed joffri l-Gvern, kif ukoll mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment. Dan minbarra l-impatt ta’ proġetti ġodda fl-oqsma tal-edukazzjoni, saħħa u turiżmu.
Kien innotat kif is-sena li għaddiet Malta kellha għat-tielet sena konsekuttiva l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, xorta l-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li fl-2016 pajjiżna ser ikollu rata ogħla ta’ tkabbir ta’ impjiegi, aktar minn 3%. Dan mistenni jwassal biex ir-rata ta’ qgħad taqa’ għal minimu storiku ta’ 5.3%.
“Filwaqt li jilqa’ dan iċ-ċertifikat pożittiv tal-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, il-Gvern jemmen li fadal iktar potenzjal x’jintlaħaq u għalhekk fix-xhur li ġejjin se jiżdied l-impenn tiegħu biex jattira aktar investiment u jkompli jtejjeb il-poter tal-akkwist tal-familji tagħna,” intqal fi stqarrija tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.