Dalgħodu dan ir-ritratt li ttieħed f’Marsaxlokk juri xena sempliċi; tliet iħbieb igwadu te f’arja nadifa.
Id-Deputat Laburista u Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, Silvio Parnis, qal li kien qiegħed jingħaqad mar-residenti fin-Nofsinhar ta’ Malta biex jesprimi s-sodisfazzjon għal wegħda mwettqa minn Gvern Laburista li jtemm darba għal dejjem l-użu tal-heavy Fuel Oil u l-qalba għall-gass.
“Din hija deċizjoni storika għar-residenti fin-Nofsinhar tal-pajjiż, li wara snin sħaħ ibatu minn konsegwenzi serji kkaġunati mill-heavy fuel oil, minn issa ‘l quddiem se jkunu qed igawdu minn arja aktar nadifa” saħaq Silvio Parnis.
Id-Deputat Laburista fakkar kif erba’ snin ilu l-poplu kien affaċċjat b’deċizjoni serja ħafna: dik li jemmen fil-pjan li kien qiegħed jippreżenta Joseph Muscat jew jemmen fil-qtiegħ ta’ qalb u n-negattività ta’ Simon Busuttil.
“Dak iż-żmien il-poplu għażel li b’mod konviċenti jersprimi l-fiduċja tiegħu f’Joseph Muscat u llum qed jikkonfermaw kemm kienet deċizjoni għaqlija, fejn mhux biss qed igawdu mir-roħs fil-kontijiet kif kien imwiegħed, imma wkoll minn arja nadifa” qal Silvio Parnis.
It-tmiem darba għal dejjem tal-heavy fuel oil huwa l-aħħar minn sensiela ta’ żvillupi importanti f’dan is-settur, flimkien mal-għeluq tal-eqdem Power Station f’Delimara, it-twaqqiegħ taċ-ċumnija u iż-żarmar tal-Power Station tal-Marsa.
Silvio Parnis temm jgħid li quddiem dan kollu huwa konvint li l-poplu Malti, inkluż ir-residenti fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta qed ikomplu japprezzaw id-differenza pożittiva li qiegħed jagħmel f’ħajjithom Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, li mhux biss indirizza l-inkonvenjent soffert matul is-snin, imma fuq kollox il-kwalità ta’ saħħithom.