Mill-età tenera ta’ ħames snin sal-età ta’ 60 sena, dan il-grupp xejn ma jwaqqfu biex itella’ spettaklu liema bħalu għall-udjenza Żejtunija.
Andrè Mifsud ilu jikteb il-pantomimi ta’ kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin. Stqarr li l-idea bdiet meta esprima x-xewqa li jtella’ pantomima f’dar tat-tfal. Minn hemm l-idea kibret u saret aktar komunitarja. Huwa qal kif “din is-sena wkoll il-qligħ mid-dħul kollu ħa jmur għal xi ħadd li huwa fil-bżonn, se nħabbruha fl-aħħar wirja tagħna, ikollna preżentazzjoni qasira iġifieri baqa’ wkoll dak l-aspett qisu li nixtiequ nagħmlu differenza u fl-istess ħin nagħmluha b’mod illi mhux biss nagħmlu differenza lil min se nkunu qed ngħinu bid-dħul imma anki lin-nies li jiġu jarawna”.
ONE News tkellem ma’ wħud mill-atturi kif ukoll ma’ nies li jaħdmu wara l-kwinti u qalu li tul il-proċess ftit li xejn sabu tfixkiel iżda peress li l-grupp kien ikbar minn qatt qabel, sabu ruħhom f’diffukultá.
Rachel Camilleri, il-koreografa, qalet li “din id-darba konna grupp ikbar allura qisek biex tikkordina kemm il-grupp ta’ nies kif ukoll mal-etajiet trid qisek tadatta etajiet żgħar u etajiet kbar, aħna ħadd minna mhu żeffien iġifieri nagħmlu li nistgħu imma mill-bqija on the whole, mexxejna tajjeb”.
Kostumi kbar u kostumi żgħar, il-kostumista Joanne Mifsud, saħqet li kull kostum ħa minn tal-inqas ġimgħa u dan huwa evidenti mill-kostumi estravaganti u numerużi tad-dama.
“Kellna iżjed tfal involuti allura kemm kostumi ridna nagħmlu iżjed, kostumi għat-tfal. Għall-atturi dejjem minn sena għall-oħra dejjem nagħmlu xi ħaġa ġdida u ma jonqosx id-dame li dejjem tkun trid kostumi ġodda u nippruvaw nużaw naqra fantażija u immaġinazzjoni bix nagħmlu kostumi naqra mhux tas-soltu”.