Il-pop star Amerikana Taylor Swift rebħet erba’ premjijiet il-Ħadd filgħaxija waqt l-MTV European Music Awards li saru fil-Co-op Live Arena Manchester wara nuqqas to seba’ snin minn mindu dan l-avveniment sar fir-Renju Unit.
It-30 edizzjoni tal-MTV European Music Awards kienu ppreżentati minn Rita Ora u l-ispettakklu kien jinkludi wirjiet live minn Benson Boone, Raye, Shawn Mendes, Teddy Swims, The Warning, Le Sserafim, Peso Pluma, Tyla, Busta Rhymes u l-Pet Shop Boys.
Waqt is-serata Rita Ora onorat il-memorja tal-ħabib tagħha Liam Payne hekk kif interew serje ta’ xeni u ritratti fi sfond tad-diska ta’ One Direction “Night Changes”. Ora kienet ikkollaborat ma’ Payne fl-2018 bis-single ta’ suċċess “For You”.
Taylor Swift rebħet l-unuri għall-Aqwa Artist, l-Aqwa Wirja Amerikana u l-Aqwa Wirja Live. Flimkien ma’ Post Malone hija rebħet ukoll l-unur tal-Aqwa Video għad-diska “Fortnight”.
L-unur għall-Aqwa Artist Ġdid intrebaħ minn Benson Boone li wkoll fetaħ l-ispettaklu b’mod impressjonanti hekk kif sospiż fl-ajru jdoqq il-pjanu ta verżjoni ta’ “Slow It Down” u “Beautiful Things”.
L-Aqwa Diska ntrebħet minn “Espresso” ta’ Sabrina Carpenter u l-unur tal-Aqwa Pop mar għand Ariana Grande.
Busta Rhymes kien onorat bl-unur “Global Icon” u d-duo Brittaniku Pet Shop Boys ingħataw l-unur tal-”Pop Pioneers”.
BTS’ Jimin rebaħ il-Best K-pop award filwaqt li l-grupp K-pop Le Sserafim rebaħ il-Best Push award.
Tyla ħadet kemm il-Best R&B u l-Best Afrobeats Awards filwaqt li Raye rebħet il-best UK and Ireland Act.
L-aqwa kollaborazzjoni intrebħet minn Lisa ma’ Rosalía għal “New Woman”.
Eminem rebaħ l-Aqwa Hip Hop, Liam Gallagher l-Aqwa Rock u Imagine Dragons ġew ippremjati bl-Aqwa Premju Alternattiv.
L-Aqwa Elettroniku intrebaħ minn Calvin Harris bl-Aqwa Latin imur għand Peso Pluma. Il-premju tal-Aqwa Segwaċi intrebaħ minn Lisa.