Caroline Muscat, il-fundatriċi ta’ Shift News qalet li Manuel Delia se jitlaq minn Malta biex jieħu break ta’ sitt xhur fl-istess waqt li jkollu l-paga dieħla.
L-eks ġurnalista mat-Times, li kienet mexxiet il-kampanja elettorali ta’ Simon Busuttil fl-aħħar elezzjoni ġenerali, qalet li saret taf li Manuel Delia se jsegwi programm temporanju ta’ sitt xhur f’belt fl-Ewropa fejn jista’ jkompli b’xogħlu waqt li jitħallas, u fl-istess ħin jeħodha bħala break.
Hija qalet li dan tafu għaliex ġiet offruta l-istess programm.
Fl-aħħar sigħat, l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia qal li se jitlaq minn Malta għax qed iħossu mhedded.
Madankollu skont Caroline Muscat, Manuel Delia sejjer break, u qalet li bħala persuna li ġieli għamlet programmi simili għal dak li skontha se jagħmel Delia, qatt ma kienet tasal tbigħ dak li se jagħmel Delia bil-mod kif għamel hu.
Fl-artiklu bit-titlu, “Putting Things in Perspective”, Muscat qalet li kwalunkwe ġurnalist li verament affaċċja theddida serja, jaf li ma jħabbarx it-tluq tiegħu mill-pajjiż.
Saħansitra żiedet li kieku vera t-theddida hija serja, ma kienx se jħalli lil familja warajh.