F’Ta’ Sannat f’Għawdex, quddiem folla sabiħa ta’ Għawdxin li nġabru għall-attività politika tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista preżenta sett ta’ proposti ġodda għal Għawdex.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Gvern Laburista wettaq bidliet kruċjali li minnhom gawdew il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Proposta ewlenija li mistennija toħloq iżjed impjiegi għall-Għawdxin f’Għawdex hija ta’ tax credit ta’ €50,000 għal kull ażjenda fil-kamp diġitali li tibda taħdem fil-gżira tat-tliet għoljiet.
“Jekk intom l-Għawdxin tagħtuni l-mandat, kull ażjenda fil-kamp diġitali li tibda taħdem f’Għawdex se nagħtuha tax credit sa €50,000. Kwalunkwe investiment f’kapital fiss f’Għawdex se nagħtuh għotja ta’ 40% tal-investiment li sar. Se nwaqqfu f’Għawdex ċentru ta’ eċċellenza ġdid għar-riċerka. Se ninvestu f’Għawdex minn tal-anqas €162 miljun f’fondi Ewropej.”
Prim Ministru – Robert Abela
Il-Prim Ministru hawnhekk semma’ kif kien Gvern Laburista li fl-aħħar snin ħadem kemm felaħ sabiex Għawdex għamel qabżiet kbar ’il quddiem, biex beda jlaħħaq ma’ Malta.
Hawhekk Dr Abela f’’diskors pożittiv qal kif kien minn Għawdex ħarġet l-idea tal-vouchers u kif tista’ titħaddem b’mod effettiv.
Semma’ wkoll il-ħsieb li s-swar taċ-Ċittadella jiddaħħlu fil-lista tal-patrimonju dinji tal-UNESCO filwaqt li rrimarka għall-proposti ta’ spazju miftuħ u aħdar fir-Rabat Għawdex u inċentivi għan-negozji f’Għawdex.
B’differenza għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Mnistru Robert Abela qal kif il-Partit Laburista fil-Gvern ma waqafx jinvesti f’Għawdex u l-Għawdxin.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie hawn u qalilkom biex tieħdu ħsiebu. Mid-dehra, qalilkom ħudu ħsiebu għax jogħġbuh il-ġbejniet. Jien niġi hawn u ngħidilkom li jekk terġgħu tagħtuna l-fiduċja tagħkom fis-26 ta’Marzu se jkollkom l-aktar Gvern li ħa ħsiebkom fl-istorja ta’ pajjiżna.”
Prim Ministru – Robert Abela
F’għeluq ta’ diskors b’saħħtu u fuq kollox ta’ mexxej b’viżjoni, Dr Robert Abela semma’ l-bosta proposti mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li se jkomplu jtebju l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin.
“Imbagħad l-Għawdxin kollha bħal Maltin kollha se jgawdu mill-proposti b’saħħithom li għamilna sa issa u se nibqgħu nagħmlu. Se tgawdu minn €700 miljun fi spażji miftuħa u ħodor. Mill-budget li ġej ikollkom €300 aktar fil-but għax tonqos l-income tax. In-negozji taghkom jiffrankaw sa €25,000 f’taxxa. Lilkom il-pensjonanti il-mediċini b’xejn u €15-il ewro fil-ġimgħa żieda fil-pensjoni. Lill-first time buyers €10,000 għotja għall-pagamenti tal-loan. Għal kull tifel u tifla żieda ta’ €450 fiċ-children’s allowance. Għal kull ġenitur sa €300 ewro għal attivitajiet extra-kurrikulari ta’ uliedu. Lil kull familja f’pajjiżna li uliedhom ikomplu jistudjaw €1,500 appoġġ. Lil kull tifel u tifla fis-sekondarja laptop u tablet.Lil kull tifel u tifla minn familji bi dħul baxx u medju €200 inwork benefit aktar. Lil dawk bi dħul baxx uniformi b’xejn u internet id-dar b’xejn. Għax aħna l-Partit tal-aspirazzjoni! Il-Partit tal-kwalità tal-ħajja! Il-Partit tal-futur!”
Prim Ministru – Robert Abela