L-industrija tal-films lokali tibbenefika minn skema ta’ tnaqqis ta’ 150% fit-taxxa fuq kontribuzzjonijiet u donazzjonijiet (sponsorships). Dan ħabbru l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
Il-Ministru qal li grazzi għal din l-iskema, il-Kummissjoni tal-Films se tkun f’pożizzjoni li jkollha riżorsi akbar biex tgħin lit-talent u ħaddiema lokali għall-films u se tkun qed tkompli toffri aktar taħriġ f’dan il-qasam.
Fi kliem, il-Ministru għat-Turiżmu qal li dan il-Gvern qed jirnexxielu jattira ħafna produzzjonijiet internazzjonali lejn Malta u fl-istess ħin qegħdin ninvestu ħafna fit-talent lokali. Fuq perjodu ta’ tliet snin mill-2014 sal-2016, il-Kummissjoni tal-Films se tkun investiet madwar miljun ewro f’taħriġ għall-ħaddiema u artisti Maltin.