Residenta f’Ħal Luqa tard ilbieraħ filgħaxija lmentat fuq il-midja soċjali dwar kif il-bieb tar-residenza tagħha spiċċa qala’ xebgħa bajd għax ma pparteċipatx għal ‘trick or treating’ waqt iċ-ċelebrazzjoni’ tal-Halloween.
Il-Halloween hi ċelebrazzjoni li tiġi ċċelebrata f’diversi pajjiżi, b’mod partikolari fl-Amerika, fejn ifakkru lil dawk li għaddew għall-ħajja eterna. Fil-jum tal-Halloween, jiġifieri fil-31 ta’ Ottubru, tfal flimkien mal-ġenituri joħorġu jduru l-lokalita’ tagħhom, iħabbtu fuq il-bieb tar-residenzi u jgħidu “Trick or Treat”. Jekk wieħed jagħtihom xi ħaġa tal-ħelu mela din ir-residenza tkun għażlet li tagħti ‘treat’ filwaqt li jekk ma jiftħux il-bieb u ma jipparteċipawx, dan ifisser li jkunu għażlu ‘trick’ b’mod awtomatiku. In-norma f’pajjiżi bħall-Amerika, it-tifel jew tifla jagħmel ‘trick’ fuq dik ir-residenza billi jwaddab bajd mal-faċċata tagħha jew jimla l-faċċata tal-istess residenza bit-‘toilet paper’.
F’Malta din iċ-ċelebrazzjoni mhix daqshekk iċċelebrata iżda matul dan l-aħħar diċenju aktar u aktar lokalitajiet saru jaraw tfal iżuru r-residenzi jitolbu l-ħelu b’kustum gustuż.
Kienu diversi persuni li taħt ir-ritratti u l-ilment li poġġiet din il-mara, sostnew kif mhux hi biss spiċċat fil-mira ta’ din iċ-‘ċelebrazzjoni’ hekk kif kienu għadd ta’ persuni u residenzi li spiċċaw laqtu xebgħa bajd.
Uħud ilmentaw kif dawn li jkunu għamlu ‘trick’ fuq ir-residenza tagħhom ma jkunux dawk it-tfal li jkunu akkumpanjati mal-ġenituri iżda jkunu żgħażagħ ta’ bejn il-15 u s-16-il sena li jitkessħu u jagħżlu li ‘jpattuha’ lil dak li jkun għax ma jkunx fetħilhom il-bieb.