Żewġ ġuvintur ta’ 16-il sena, li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li aggredew ħaddiem li jwassal l-ikel nhar l-Erbgħa, f’Marsaxlokk.
Huma allegatament tawh xi daqqiet ta’ ponn u tawh daqqiet b’martell, wara li ħadulu l-mobile u l-mutur. Mal-Pulizija l-vittma f’rapport li għamel spjega kif dan l-aġir wasal wara li ż-żewġ ġuvintur qalu li l-ordni tagħhom ma kinitx tajba.
Il-ġuvintur ġew identifikati permezz tal-pjattaforma li minn fuqha ordnaw l-ikel.
Huwa ġew mixlija b’serq aggravat, li żammew il-vittma kontra l-volonta’ tiegħu, u li kkawżawlu ġrieħi, fost l-oħrajn.
Huma wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Fl-awla l-familji tat-tfal, kienu viżibbilment f’xokk, u ma setawx jemmnu dak li ġara.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputati fuq diversi kundizzjonijiet, minkejja li s-sentenza mistennija tingħata il-ġimgħa d-dieħla.
Dan fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €10,000.
Id-difiża tal-imputati kienet immexxija mill-Avukati Dean Hili, Veronique Dalli u Amadeus Cachia.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia.