Il-Gvern jinsab fi stadju avvanzat li jdaħħal sistemi ta’ ‘electronic tagging’ u ‘panic buttons’ favur vittmi ta’ vjolenza domestika, fost l-oħrajn. Ħabbar dan il-Ministru Byron Camilleri proprju hekk kif kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Rosianne Cutajar, waqt il-plenarja tal-Erbgħa filgħaxija.
B’rabta mal-‘panic alarms’, li kien ħabbar il-Gvern fil-Baġit li għadda, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali spjega li dawn se jkunu qed jidħlu fis-seħħ sa din is-sena stess.
“Fil-Baġit wegħedna li, matul din is-sena, ħa nkunu qegħdin nintroduċu dawk li se jkunu qed jissejħu bħala panic alarms u ħa naraw li matul din is-sena nżommu mal-wegħda li għamilna fil-Baġit u matul din is-sena biex proprju jkun hemm dan is-servizz li jidħol fis-seħħ.”
Camilleri spjega wkoll għaliex se jkunu qed jintużaw dawn il-‘panic alarms’ b’rabta ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika.
“Panic alarm ifisser li jkun hemm persuna li jkollha buttuna tista’ tgħid fejn, jekk fl-eventwalità inti titlob l-għajnuna immedjata, jiġifieri dik bħal meta ċċempel il-112 u titlob lill-Pulizija b’mod immedjat u jiġu l-RIU fuq il-post biex jassistu, bl-istess mod, malli tagħfasha int tkun qed tibgħat il-location tiegħek u tkun qisha t-talba tiegħek għall-għajnuna u tkun tista’ tirċievi l-għajnuna b’dak il-mod.”
Sadanittant, b’rabta mal-‘electronic tagging,’ il-Ministru Camilleri spjega li l-Gvern se jkun qed iressaq numru ta’ emendi b’rabta mal-electronic tagging. Emendi li partikolarment jikkonċernaw it-tagging volontarji li jistgħu jissottomettu ruħhom għalihom diversi vittmi u li orġinarjament ma kienx inkluż fl-abbozz imressaq quddiem il-mejda tal-kamra.
Dan anke wara proposti li rċieva u konsultazzjonijiet importanti li pparteċipa fihom. Madankollu ħabbar kif it-tenders għal dan l-apparat diġà ħarġu.
“Fl-istess perjodu, bħala Ministeru, ħriġna t-tenders marbutin biex jiġi pprovdut dak is-servizz u proprju f’dan iż-żmien, dawn qed jiġu magħluqa u allura issa bħala Parlament ikollna l-fakultà li nersqu ’l quddiem biex niddiskutu dawk l-abbozzi.”