L-artist tat-tattoo Jean Paul Attard ta’ Vibrations Positive Tattoo Studio, f’San Gwann, qed jissieħeb mal-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) biex jiġbor fondi mit-tattoos li jiddisinja fuq il-klijenti. Bejn it-Tnejn 25 u s-Sibt 30 ta’ Ġunju 2018, il-flus li jiġbor mit-tatwaġġi artistiċi u straordinarji tiegħu se jingħataw lil LifeCycle Challenge. Persuni ta’ ċelebrità huma mħeġġa jingħaqdu f’din l-inizjattiva billi jikkuntattjaw lil Fondazzjoni LifeCycle jew lil Jean Paul stess.
Hu l-isponsor tat-titlu ta’ LifeCycle Challenge li se tieħu lill-parteċipanti f’Dubaj u minn hemmhekk iċ-ċiklisti se jaqdfu 2,000 km sa Salalah fin-Nofsinhar tal-Oman.
Il-kampanja ta’ kuxjenza u ġbir ta’ fondi għal persuni li jbatu minn problemi fil-kliewi laqtet ukoll is-sentimenti tal-artist tat-tattoo. Oħt il-mara tiegħu soffriet mill-marda tal-kliewi u kellha bżonn ta’ żewġ trapjanti. “Hu dmir tiegħi. Kull persuna li hi b’saħħitha u tmexxi negozju għandha l-obbligu li tgħin lil dawk fil-bżonn, tkun xi tkun il-kawża. Jiena għandi fidi kbira li hemm it-tama anki f’sitwazzjonijiet diffiċli. Qed nagħmel dan il-ġest ukoll b’appoġġ għaċ-ċiklisti li qegħdin jistinkaw lil hinn mill-limiti tagħhom għall-istess kawża. Huma ta’ ispirazzjoni għalina l-imprendituri, biex nagħtu appoġġ lil LifeCycle ħalli ngħinu lill-pazjenti li jbatu bil-kliewi,” qal Jean Paul Attard.
Għal dawn l-aħħar 19-il sena, LifeCycle ġabret fondi biex jinxtara apparat ħalli jgħin lil persuni li qed ibatu minn problemi fil-kliewi, filwaqt li qed tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’ trapjanti tal-organi f’Malta. Din is-sena, il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) qed tiċċelebra l-20 anniversarju tagħha minn mindu twaqqfet mill fundatur tagħha Alan Curry.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni LifeCycle Dr Shirley Cefai qalet: “Aħna napprezzaw u nirringrazzjaw lil Jean Paul Attard għall-inizjattiva ġeneruża tiegħu. Li tagħmel sitt ijiem xogħol u tagħti d-dħul li tkun għamilt għal din il-kawża ġusta, mhix xi ħaġa faċli. Għaldaqstant, dawk kollha li jżuru t-Tattoo Studio Positive Vibrations għandhom ikunu kuntenti għax jafu li l-flus tagħhom se jmorru direttament għall-ħtiġijiet tal-pazjenti li jbatu mill-marda tal-kliewi.”
L-avveniment “Tattoo for LifeCycle” se jsir bejn it-Tnejn 25 u s-Sibt 30 ta’ Ġunju mill-11.00am sas-7.30pm. Persuni li jixtiequ jibbukkjaw appuntament għal tatwaġġ jistgħu jikkuntattjaw lil Jean Paul direttament fuq 79981911, jew membru tal-kumitat ta’ LifeCycle fuq 7990 3961 / 7988 7889.
Donaturi jistgħu jagħmlu l-għotja tagħhom permezz ta’ sms fuq in-numru: 5061 7370 għal €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew inkella jċemplu 5160 2020 għal €10, 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25. Filwaqt li d-dettalji tal-kont tal-bank huma: Swift code VALLMTMT, IBAN number MT 18 VALL 22013000000014814521017, lil Bank of Valletta, Numru tal-Kont: 14814521017.
Aktar tagħrif u donazzjonijiet għal din l-isfida minn fuq: https://www.facebook.com/events/306454086525755/
Ritratt: Jean Paul Attard fl-istudio tiegħu