“Il-gazzetta, The Sunday Times of Malta għażlet li toħloq storja mhux veritiera u li sempliċiment toħloq inċertezza u diżgwid fost il-ħaddiema li tant għamlu, u għadhom jagħmlu ħilithom għal-linja nazzjonali tal-ajru.”
Dan qalu l-Ministeru għat-Turiżmu b’referenza għar-rapport li deher illum fuq il-paġna ta’ quddiem ta’ The Sunday Times of Malta.
Kif diġà semma l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fl-Istqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, il-Gvern jikkonferma li hemm numru ta’ sħab strateġiċi li urew interess fl-Air Malta u li qed jitkellem magħhom. L-istqarrija tgħid li l-Gvern, iżda, se jibqa’ jimxi b’kawtela u jqabbel fejn jaqbillu, inkluż li jikkunsidra l-investiment lokali f’din l-ottika.
Il-Ministeru għat-turiżmu spjega li l-Gvern se jibqa’ jitkellem mal-ħaddiema biex flimkien ifasslu triq ‘il quddiem abbażi ta’ prinċipji li jaqblu fuqhom il-Gvern, l-Air Malta u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Dan kollu sabiex il-linja nazzjonali tal-ajru toħroġ mid-diffikultajiet li tħalliet fihom mill-amministrazzjoni preċedenti, filwaqt li l-interessi tal-ħaddiema jiġu dejjem imħarsa fil-bidla pożittiva li trid isseħħ.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-ħaddiema kollha għall-mod responsabbli li dejjem imxew bih, minkejja l-istejjer kontinwi li jiġu ivvintati.