Ix-xufiera tat-taxis il-bojod żammew l-appuntament tagħhom mat-tfal li għal xi raġuni jew oħra jinsabu ’l bogħod minn darhom u l-familja tagħhom u jgħixu fi djar tat-tfal.
Il-preparamenti min-naħa tax-xufiera jkunu ilhom li bdew, meta jingħaqdu bħala tim u flimkien ma’ numru ta’ sostenituri, jorganizzaw ġurnata t’attivitajiet.
Kollox beda għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu, meta madwar mitejn u ħamsin tifel u tifla fi tnax-il dar tat-tfal, inġabru mix-xufiera tat-taxis.
Is-serbut twil ta’ karozzi bojod qabdu t-triq u ħadu t-tfal jisimgħu quddies, u jaraw film f’ċinema, biex imbagħad wara l-ikla ta’ nofsinhar, ħaduhom iċ-ċirklu u saħansitra organizzawlhom festin.
Ix-Xufier Omar Micallef qal, “Huma jkunu qed jistennewha minn sena għal sena, dejjem jgħidulna meta ġejjin għalina, żammejniha data fis-sebgħa u għoxrin ta’ Diċembru ta’ kull sena, huma jieħdu pjaċir jistennewna u aħna nistennewhom ukoll inkunu rridu nagħmlu dik il-ġurnata magħhom għax iferrħuna ħafna.”
Din l-idea twieldet sebgħa u tletin sena ilu, meta Anthony Galea u żewġ xufiera oħra – illum anzjani – bdew jorganizzaw l-attivitajiet għat-tfal.
“Qbadna niġbru l-flus bejn ix-xufiera tat-taxis kollha u bdejna nagħmluha. Għamilt xi tletin sena nagħmilha jien, qabbadt lil sħabi żgħażagħ għidtilhom tridu tgħinuni, qabdu jagħmluha huma. Għidtilhom it-tfal jieħdu pjaċir u aħna wkoll għax noħorġu magħhom ukoll nagħmlu ġurnata, u komplew sħabi.” Stqarr Galea.
Din il-ġurnata t’attivitajiet tkun sorpriża mill-bidu sal-aħħar, u dan l-element jixpruna aktar entużjażmu u anki sens ta’ kurżità fost iċ-ċkejknin.
Is-Soru tal-Ursolini Paula Schembri stqarret, “It-tfal iħossuhom speċjali għax il-fatt li tiġi taxi għalik quddiem il-bieb tad-dar, ikollhom it-taxi driver dejjem miegħek, għalihom tkun xi ħaġa tassew unika u speċjali.”