Twaqqfet taskforce komposta minn grupp ta’ professjonisti li flimkien se jaslu biex jimplimentaw il-Politika Strateġika Nazzjonali dwar it-Trobbija Pożittiva, li tnediet fl-2016.
Din il-politika se tħares li tippromwovi atteġġjament pożittiv dwar it-trobbija tat-tfal u hi turija ta’ investiment fil-ġejjieni tas-soċjetà Maltija. L-iżvilupp u t-twettiq ta’ din il-politika se jkunu qed jaħdmu f’kuntest kulturali li jirrifleti wkoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Waqt laqgħa mat-taskforce, il-Ministru Michael Falzon spjega li permezz ta’ din il-politika se naħsbu fis-soċjetà kollha kemm hi minħabba li t-tfal tal-lum huma l-ġenerazzjoni ta’ għada. Huwa għalhekk li rridu naħsbu fil-futur u ma niġux f’sitwazzjoni fejn niffaċċjaw problemi soċjali li ma nkunux preparati u lesti għalihom.
Din il-Positive Parenting Policy se tibni fuq struttura diġà eżistenti: in-National Children Policy li tnediet f’Novembru li għadda u li iktar ma jgħaddi żmien, qed tilħaq l-għanijiet tagħha.