Waslet Malta l-akbar lanċa tal-Forzi Armati ta’ Malta: il-P71.
B’investiment ta’ €53 miljun, li jinkludi kofinanzjament minn fondi Ewropej, il-P71 se tkun tista’ twettaq ħidmiet varji fuq il-baħar f’distanzi ferm ’il bogħod minn Malta u tista’ tgħin f’missjonijiet umanitarji.
Il-lanċa nbniet skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Forzi Armati. Minħabba l-fatt li għandha tul ta’ 74.8 metru u wisa’ ta’ 13-il metru, se tkun tista’ takkomoda ekwipaġġ ta’ madwar erbgħin ruħ, li jinkludu nies tal-ġerarkija militari, il-kaptan, u uffiċjali inkarigati, fost oħrajn.
Hija ddisinjata b’tagħmir għal operazzjonijiet ta’ titjir kemm għal binhar kif ukoll għal billejl, u hemm ukoll spazju biżżejjed f’każ ta’ bżonn li jinżel ħelikopter. Din il-lanċa hija maqsuma f’partijiet differenti. Waħda mill-kmamar tissejjaħ ic-chart room, fejn jintużaw mapep stampati u elettroniċi.
Hemm ukoll kamra apposta li fiha hemm żewġ sodod, għal dawk li jweġġgħu meta jkunu fuq il-baħar. Din il-kamra hija mgħammra bit-tagħmir meħtieġa bħal ossiġnu, magna tal-ECG, u streċer. Apparti minn hekk, hemm kamra oħra bl-għodod prattiċi li jistgħu jintużaw għal meta jkun hemm bżonn.
Il-kaptan tal-lanċa, il-Kaptan Joseph Gatt, spjega li din il-lanċa se tkun tista’ tgħabbi sa massimu ta’ ħames kontejners. Spjega ukoll li l-faċilitajiet sli hemm fuqha se jippermettu li l-ekwipaġġ ikun komdu waqt sigħat twal ta’ xogħol fuq il-baħar.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal li dan huwa l-akbar investiment li qatt għamlu l-Forzi Armati ta’ Malta għad-difiża tal-pajjiż.