Minn Grupp C, waslet l-ewwel rebħa tal-Arġentina f’dik li kienet l-aħħar partita tas-Sibt minn programm ta’ erbgħa.
Fil-partita tas-Sibt filgħaxija ltaqgħu l-Arġentina u l-Messiku fejn rebħa kienet imperattiva għall-Arġentina wara ż-żelqa mhux mistennija fl-ewwel ħarġa tagħhom kontra l-Għarabja Sawdija.
Il-Messikani qatt m’għamluha faċli għall-Arġentina speċjalment fl-ewwel taqsima fejn irnexxilhom jinewtralizzaw is-saħħa tal-Arġentina biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fid-draw ta’ mingħajr gowls.
Konxji minn dak li riedu mill-partita, l-Arġentina żiedu fir-ritmu matul it-tieni taqsima u fl-64 minuta wasal ġmiel ta’ gowl ta’ Lionel Messi li prattikament witta’ t-triq għar-rebħa. Tliet minuti mit-tmiem ġmiel ta’ gowl ieħor din id-darba minn Enzo Fernandes li bid-dawra ra l-ballun jispiċċa fix-xibka għal riżultat finali ta’ 2 – 0.
Ritratt: Sporting News