It-tieni partita tat-Tnejn filgħaxija laqgħat lill-Balzan u Żabbar St. Patrick b’dawn tal-aħħar jiksbu l-ewwel tliet punti staġjonali meta rebħu l-konfront 2 – 0.
Żabbar dehra determinati sa mill-ewwel minuti u li kieku kienu iżjed preċiżi l-skor seta kien ferm akbar.
Wara literalment 55 sekondi Żabbar irnexxilhom jiftħu l-iskor meta d-difiża ta’ Balzan kienet stattika għal kollox, seraq il-ballun l-attakant Żabbari Marcelo Barros Santos u wara li avvanza fajjar xutt fil-baxxa li spiċċa fix-xibka.
Ir-reazzjoni ta’ Balzan ma’ waslitx anzi kienu Żabbar li mill-ġdid marru fuq l-offensiva bit-tentattiv ta’ Brian Gambarte li spiċċa għoli.
Man-nofs siegħa logħob Balzan kellhom free-kick ta’ Mosawer Awadi żda d-daqqa ta’ ras ta; Marcel Lima marret għoli.
Eżatt qabel l-intervall, Żabbar protesta għal penalty meta Marcelo Barros twaqqa fil-kaxxa żda r-referee Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej fejn Joap Pedro Mendonca kellu l-konklużjoni tiegħu tmur ftit barra biex l-ewwel taqsima intemmet 1 – 0.
It-tieni taqsima kienet nieqsa minn dawk li huma azzjonijet perikolużi u minkejja li wieħed stenna xi forma ta’ reazzjoni qawwija minn Balzan, din ma’ waslitx anzi kienu Żabbar li skorjaw it-tieni goal tagħhom biex għamlu ċert mit-tliet punti.
Balzan lagħbu l-aħħar għoxrin minuta b’plejer anqas meta Nikola Zeral deher jagħmel ritaljazzjoni fuq Brian Gambarte bir-referee Tonna jurih it-tieni karta safra u eventwalment il-karta l-ħamra.
It-tieni goal ta’ Żabbar wasal fil-77 minuta meta s-sostitut David Oliveira Souza twaqqa fil-kaxxa min Nicholas Pulis bir-referee jordna penalty. Mill-11 il-metru Brian Gamberte irnexxilu jiddepożita l-ballun fix-xibka u għamel l-iskor 2 – 0.
Żabbar mill-ġdid perikolużi tliet minuti mit-tmiem f’kontrattak sabiħ bix-xutt finali ta’ Stefan Ilic jagħdi barra.
Referre: Glen Tonna
Plejer tal-Logħba: Marcelo Santos Barros (Żabbar)