Fis-Centenary Stadium tard ilbieraħ waranofsinhar it-tim nazzjonali Malti kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fi Grupp 6 tal-Kampjonati Ewropej meta għeleb lill-Ungerija 2 – 1.
It-tim immexxi minn Silvio Vella marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta meta minn azzjoni ta’ free-kick ta’ Jurgen Degabrielle, Matthew Guillaumier bir-ras xehhet fix-xibka għal 1 – 0.Malta baqgħet tgawdi dan il-vantaġġ sat-tmiem l-ewwel taqsima.
Tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u l-Ungerija jagħmlu l-iskor indaqs fejn kien kross ta’ Donat Zsoter, b’Atilla Szalai bir-ras tefa’ wara Jake Galea għal 1-1.
Fl-aħħar mumenti tal-partita Malta skorjat il-gowl tar-rebħa meta Jurgen Degabriele qassam lejn Myles Beerman li daħal fil-kaxxa u b’xutt angolat mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka għal skor ta 2-1.
It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena jerġa’ jkun fl-azzjoni nhar it-Tlieta li ġej kontra Ċipru fl-aħħar logħba tal-grupp.
Ritratt: MFA