Il-Ġimgħa filgħodu waslu ħamsa u għoxrin elf tilqima għall-influwenza f’pajjiżna.
Dan hekk kif pajjiżna qed jipprepara għaż-żmien fejn l-influwenza tkun fl-eqqel tagħha. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif din is-sena l-vaċċin tal-influwenza huwa kruċjali minħabba li fl-istess waqt għaddejjin mill-imxija.
Huwa stqarr li permezz tal-vaċċin pajjiżna ser ikun jista’ jippreveni kemm jista’ jkun li persuni jintlaqtu kemm mill-influwenza u mill-Covid-19.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr, “Għandna mitejn elf tilqima tal-influwenza li hija ordnata. Bi pjaċir nista’ ngħid li llum waslet l-ewwel kunsinja ta’ 25,000 tilqima tal-influwenza. Kuljum fil-ġranet li ġejjin ser ikunu qiegħdin jaslu kunsinji simili biex b’hekk mill-ħdax ta’ Ottubru mingħajr ħlas se nkunu nistgħu nagħtu t-tilqim tal-influwenza liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Chris Fearne spjega kif it-tilqima ser tibda tingħata lill-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna biex gradwalment tkun tista’ tingħata mingħajr ħlas lil kulħadd.
Il-Ministru għas-Saħħa sostna, “Nibdew l-ewwel, l-ewwel ħmistax b’dawk il-pazjenti li huma vulnerabbli inkluż l-anzjani, anke l-anzjani fid-djar tal-anzjani u lil dawk il-frontliners li jkunu qiegħdin iħabbtu wiċċhom mal-pazjenti ta’ kuljum u imbgħad fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru ninkludu wkoll lit-tfal, speċjalment it-tfal taħt il-ħames snin u imbgħad niftħuha mingħajr ħlas liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha.”