Din il-ġimgħa waslet l-ewwel konsenja bil-baħar minn Malta ta’ tonn prodott fostna fiċ-Ċina. Din isegwi konsenji oħrajn iżgħar bl-ajru permezz ta’ ftehim bilaterali bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż madwar sena ilu.
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, saħqet li dawn l-esportazzjonijiet kienu ta’ suċċess minħabba l-ħidma diliġenti bejn iż-żewġ pajjiżi, waqt li din il-ħidma għenet lill-operaturi lokali jesportaw lejn swieq ġodda.
Bugeja Said kompliet li dawn l-esportazzjonijiet waslu f’mument importanti għall-operaturi lokali, għax id-diversifikazzjoni tas-suq tiżgura li l-produtturi lokali jkomplu jżommu n-negozju b’saħħtu, filwaqt li tiżdied id-domanda għall-prodotti Maltin.
Hi kkonkludiet li tinsab sodisfatta li l-impenn tal-Gvern Malti wassal għal dawn ir-riżultati pożittivi bil-għan li l-prodott lokali jibqa’ jiġi mfittex minn swieq globali.