Trakkijiet mgħobbija bl-għajnuna umanitarja, fosthom ikel u mediċini, ingħataw l-aċċess biex jidħlu f’Gaza għall-ewwel darba minn meta beda l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Hamas.
Filmati li xxandru b’mod dirett fuq il-midja soċjali wrew vetturi tal-Ġnus Magħquda bi bnadar bojod jinstaqu u jaqsmu l-pont Rafah mill-Eġittu għal Gaza.
Aktar kmieni l-Hamas ħelsu l-ewwel ostaġġi li kienu qed iżommu wara l-ewwel attakk kbir li seħħ fuq l-Iżrael.
Iż-żewġ ostaġġi huma ċittadini Amerikani.
L-omm u l-bint, Judith u Natalie Raanan, kienu fost il-mitejn persuna li ġew miżmuma ostaġġi.
Il-Prim Ministru tal-Iżrael, Benjamin Netanyahu, qal li l-Iżrael qed jipprova jeħles aktar ostaġġi permezz tal-forzi tiegħu.
Sa issa għaddew kważi ġimagħtejn minn meta l-grupp Militani tal-Hamas beda bl-attakki tiegħu fl-Iżrael, li ħallew iktar minn elf u erba’ mitt persuna mejta. Minn dakinhar, b’ritaljazzjoni, iktar minn erbat elef Palestinjan tilfu ħajjithom f’Gaza.