B’investiment ta’ €80,000, fl-aħħar jiem, waslet f’pajjżna karozza speċjalizzata, mgħammra b’teknoloġija li tippermetti li persuni b’diżabilità jitgħallmu jsuqu filwaqt li jibqgħu fis-siġġu tar-roti.
Barra minn hekk, ingħata wkoll taħriġ apposta lil seba’ occupational therapists u lil żewġ għalliema tas-sewqan, li jaħdmu mal-Aġenzija Sapport u mad-Direttorat tal-Allied Health, biex ikunu jistgħu jħarrġu lill-persuni b’diżabilità b’din il-vettura.
It-taħriġ enfasizza l-karatteristiċi differenti ta’ din il-vettura flimkien mal-użu u l-benefiċċji tagħha għall-persuni b’diżabilità.
It-tim irċieva wkoll taħriġ f’Birmingham, bħala parti minn miżura tal-Baġit.
Waqt żjara biswit iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport f’Ħal Far, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li dan hu pass ieħor biex persuni b’diżabilità jkollhom ħajja aktar indipendenti, għax b’din l-inizjattiva aktar persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jsuqu.
Qalet, “Dan huwa proġett li veru jemmen fl-indipendenza tal-persuni b’diżabilità, li anke jekk persuna tkun fuq is-siġġu tar-roti, tista’ xorta ssuq il-vettura. Allura dan huwa żmien eċitanti fejn qegħdin naraw aktar persuni b’ diżabilità li jgawdu minn dawn l-iskemi jgħinuhom ikunu aktar indipendenti.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, qal li dan is-servizz speċjalizzat, flimkien ma’ oħrajn mogħtija miċ-Ċentru Sonia Tanti, juru l-impenn tal-aġenzija biex tippromwovi l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni.
Qal, “Bħala parti minn wieħed mis-servizzi li joffri dan l-independent living centre, hemm il-motor driving school, fejn jiġu mgħallma persuni b’diżabilità, fuq il-karozzi li huma addattati. Waħda mill-karozzi li ġibna l-aħħar, huwa dan il-vann li huwa mgħammar b’mod assolut biex persuna li tagħmel użu minn siġġu tar-roti tkun tista’ ssuq l-istess karozza mill-istess siġġu tar-roti.”