Waslet f’pajjiżna iċ-ċkejkna Lara, tifla Palestinjana, li minkejja li għad għandha biss għaxar snin, daqet l-imrar tal-ħajja fil-Gwerra ta’ Gaza, u issa ġiet f’pajjiżna, sabiex tingħata l-kura.
Hija rrakkontat, kif wara attakk Iżraeljan, hija qattgħet tliet ijiem taħt it-tifrik ta’ dik li xi darba kienet darha – b’kawża li tilfet għajnha. Minkejja l-età tagħha, it-tifla qalet kif meta ommha rat f’liema stat kienet bintha, taha ħass ħażin.
Akkumpanjata minn ommha, u l-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta, Fadi Hanania, it-tifla rrakkontat id-diffikultà li kellha tiffaċċja sabiex bdiet il-vjaġġ tagħha lejn pajjiżna.
Fil-fatt, sabiex tilqa’ lil Lara f’pajjiżna, kien hemm iċ-ċkejkna Selah, akkumpanjata minn missierha. Selah ġiet f’pajjiżna, ftit tax-xhur ilu, wara li tilfet lil ommha u ħuha fil-gwerra f’Gaza, filwaqt li sofriet minn ġrieħi serji f’sieqha – għal-liema ġrieħi, qed tingħata t-trattament f’pajjiżna, anke minħabba l-fatt li l-Isptarijiet f’Gaża qajla għadhom operabbli.
F’kumment li ta lill-midja, l-Ambaxxatur Fadi Hanania, qal li Lara se tkun qed tibda t-trattament meħtieġ f’pajjiżna, filwaqt li hi u ommha se jingħataw ukoll għajnuna psikoloġika.
Huwa rringrazzja wkoll lill-Gvern Malti, tal-għajnuna li qed jagħti lil dawn it-tfal.
Qal,“We hope that her medical treatment goes well, tomorrow she will be going to Mater Dei, thanks to the Prime Minister and the Maltese Government, for arranging this. We hope that we can manage to get some more children for medical treatment here, and again thanks to the Maltese Government, for providing free medical care and free visas as well.”