Intemmet iż-żjara statali f’Malta tal-President tal-Irlanda, Michael D.Higgins.
Żjara li damet tlett ijiem u li fiha Higgins, flimkien ma’ martu Sabina, ittieħed jara diversi postijiet storiċi u kulturali f’Malta.
Fil-fatt, fl-aħħar jum tiegħu f’pajjiżna, il-President Irlandiż żar it-Tempji ta’ Ħaġar Qim.
F’dawn it-tempji, li nbnew bejn is-sena tlett elef u sitt mija qabel Kristu u sena elfejn u ħames mija qabel Kristu u li huma mniżżla fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, il-President Irlandiż ġie mgħarraf aktar dwar l-istorja ta’ dawn it-tempji.
Dan anke wara li huwa stess staqsa għadd ta mistoqsijiet dwar din il-ġawhra storika importanti.
Il-President Irlandiż spjega li ġewwa l-Irlanda hemm tempji li huma simili għal dak ta’ Ħaġar Qim, iżda mhumiex daqshekk qodma u kbar.
Huwa ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema ta’ Heritage Malta u faħħar il-ħidma tagħhom biex jippreservaw il-wirt nazzjonali ta’ Malta.
Intant is-Sibt waranofsinhar, għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart, il-President Irlandiż wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jaqbad triqtu lura lejn l-Irlanda.
Mal-wasla tiegħu fuq il-mitjar, ftit minuti biss qabel tela’ l-ajruplan, huwa ngħata salut mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Wara ndaqqu l-Innijiet Nazzjonali ta’ żewġ pajjiżi.
Qabel ma tela’ fuq l-ajruplan, l-President Irlandiż sellem lill-President ta’ Malta Dr. George Vella.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.
Tul dawn l-aħħar tlett ijiem f’pajjiżna, il-President Irlandiż kellu taħdidiet uffiċjali mal-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
F’pajjiżna, il-President Irlandiż kien stqarr li Malta u l-Irlanda, bħala membri newtrali tal-Unjoni Ewropea, huma magħqudin fis-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna wara l-invażjoni Russa, li ddeskriviha bħala immorali u mhux ġustifikata.
Huwa spjega ukoll li quddiem il-kriżi umanitarja fl-Ukrajna, Malta u l-Irlanda qed juru determinazzjoni u kompassjoni.