Ġiet fi tmiemha t-tieni fażi tan-negozjati Brexit.
It-tieni sensiela ta’ direttivi li ġew innegozjati ġew addottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għalih attendiet il-Ministru Malti għall-Affarijiet Ewropej, Helena Dalli.
It-tieni sett ta’ direttivi jitkellmu dwar it-tranżizzjoni u r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara li jseħħ Brexit.
Dan jibni fuq l-ewwel sett ta’ direttivi li kienu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-ftehim finanzjarju u l-kwistjoni tal-Irlanda.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fuq ċertu kwistjonijiet għandha tkun flessibbli, speċjalment meta l-pożizzjoni tar-Renju Unit ma kinitx ikkomunikata formalment, fosthom fuq kwistjonijiet dwar is-servizzi, is-servizzi finanzjarji u l-mobilità taċ-ċittadini.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jaddotta linji gwida oħra f’Marzu li ġej.
Dan filwaqt li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jseħħ fid-disgħa u għoxrin ta’ Marzu tas-sena d-dieħla, wara perjodu tranżitorju ta’ wieħed u għoxrin xahar.