Ilbieraħ wara nofsinhar, l-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia indirizza konferenza organizzata mill-Malta Model United Nations Society li ħadet tul ta’ tlett ijiem. Il-konferenza ħadet post fil-Parlament Malti u ffokat fuq soluzzjoni globali dwar kif titfassal triq lejn l-istabbiltà.
Fid-diskors tiegħu, Farrugia tenna li r-risposta globali għan-nuqqasijiet bejn il-pajjiżi u l-instabilità reġjonali hu l-kreazzjoni ta’ istituzzjonijiet multilaterali. Filwaqt li l-iSpeaker irrikonoxxa li dawn l-istituzjonijiet jistgħu jkunu ta’ frustazzjoni f’xi mumenti, sal-lum, dawn l-istituzzjonijiet multilaterali huma l-aqwa għodda sabiex tinżamm l-ordni u l-paċi. Hu żied li dawn l-istituzzjonijiet għandna nħaddnuhom u naħdmu magħhom. Farrugia għamel użu minn Malta, bħala eżempju, ta’ kif matul is-snin, ta kontribut għall-istituzzjonijiet multilaterali, minkejja li pajjiżna hu wieħed mill-iżgħar pajjiżi fid-dinja.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Farrugia enfasizza fuq l-importanza li Parlamenti nazzjonali għandhom f’istituzzjonijiet internazzjonali, u saħaq li l-irwol tad-diplomazija Parlamentari hi kruċjali sabiex tinżamm l-istabbiltà u l-paċi.