Il-Gvern Iżraeljan ikkonferma li żewġ ostaġġi oħra nħelsu mill-grupp terroristiku Hamas.
Fi stqarrija l-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu ntqal li nħelsu żewġ anzjani nisa; Nurit Cooper ta’ 79 sena u Yocheved Lifshitz ta’ 85 sena.
Intqal li dawn iż-żewġ anzjani nħatfu mill-grupp Hamas, bil-bidu tal-gwerra bejn l-Iżrael u l-Hamas fil-Lvant, fis-7 ta’ Ottubru li għadda, mid-djar tagħhom f’Kibbutz Nir.
Intqal ukoll li l-irġiel ta’ dawn iż-żewġ nisa li nħelsu għadhom f’idejn il-grupp terroristiku, Hamas.
Sadanittant, il-Ġnus Magħquda kkonfermat ukoll li lbieraħ daħlu 20 trakk b’għajnuna umanitarja lejn l-Istrixxa ta’ Gaza.
L-għajnuna kienet tinkludi provvista ta’ mediċini, ikel u ilma.