Is-Soup Kitchen rebħet il-premju taċ-Ċittadin Ewropew ta’ din is-sena bħala rikonoxximent tal-ħidma tagħha għas-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali u r-rispett tad-dinjità umana.
Is-Soup Kitchen, li topera minn Triq Sant Ursola fil-Belt Valletta taħt it-tmexxija abbli ta’ Patri Marcellino Micallef tal-Patrijiet Franġiskani, taf il-bidu tagħha sentejn ilu, fl-2021, matul il-pandemija.
Il-Patrijiet Franġiskani matul is-sena jaħdmu qatigħ, bi ħġarhom, kontra l-esklużjoni soċjali biex jassiguraw li dawk vulnerabbli ma jkunux imċaħħdin mill-bżonnijiet materjali bażiċi.
Dan il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew lil ċittadini, gruppi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jkunu taw xhieda ta’ kisbiet eċċezzjonali jew impenn straordinarju fis-soċjetà.
Dawn ikunu iddistingwew rwieħhom f’ħidma biex imexxu ’l quddiem u jippromwovu l-valuri Ewropej fost is-soċjetà. Wara, imbagħad, ir-rebbieħa minn kull stat membru Ewropew jiltaqgħu kollha flimkien biex ikunu onorati f’ċerimonja ċentrali fil-Parlament Ewropew fi Brussell, f’avveniment li se jsir nhar is-7 ta’ Novembru li ġej. Dan il-premju ingħata għall-ewwel darba fl-2008.
Il-midalja tal-premju ngħatat formalment lil The Soup Kitchen f’ċerimonja qasira f’Jum il-Vitorja.
Tkellimna ma’ Patri Marcellino Micallef fejn spjegalna li fl-aħħar sentejn, kemm ilha mwaqqfa The Soup Kitchen, madwar 50,000 persuna użaw is-servizzi tagħha. Filwaqt li rringrazzja lill-benefatturi Maltin u lill-voluntieri kollha li jagħtu s-servizz tagħhom, Patri Marcellino esprima ruħu magħna xi jfisser għalih dan l-unur.
“Dan il-premju jimliena b’ħafna kuraġġ, speċjalment lil dawk li għandhom qalb ġeneruża li qed jgħinuna b’mod konkret biex lil dawn in-nies, li aħna nilqgħu ta’ kuljum hawnhekk, inkunu nistgħu nipprovdulhom id-dinjità, mhux biss ikla bnina, imma noffru diversi servizzi bħal showers, social worker kuljum, nurses u anki kura dentali għal min hu fil bżonn. Jien nixtieq nirringrazzja l-qalb ġeneruża tal-poplu Malti.”