Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, kien imġiegħel imur lura minn kelmtu meta m’aċċetax in-nomina ta’ Prim Imħallef Emeritu bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards ġdid.
Dan wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari li matulha reġgħet għaddiet tal-klikka “tas-soltu” b’sorsi fil-Partit Nazzjonalista jgħidu li kienu Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Mark Anthony Sammut, l-iktar li fil-Partit Nazzjonalista nsistew lill-Kap, li n-nomina tal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi ma tkunx aċċettata.
Kien hemmhekk li għal darb oħra Bernard Grech kellu jbaxxi rasu u jċedi.
Fil-fatt, b’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li Bernard Grech kien imġiegħel imur lura minn kliemu.
Mistoqsi minn ONE News propju dwar dan, f’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ma kienx kapaċi jagħti raġuni għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jopponi n-nomina ta’ eks Prim Imħallef għal din il-kariga.
“La jispetta lili, la lil sħabi u lanqas lil kwalunkwe deputat fil-Parlament li b’xi mod jagħmel xi tip ta’ kummenti, pressjoni jew xi tip ta’ dibattitu.”
Il-Partit Laburista kien iddikjara li għall-Oppożizzjoni, id-demokrazija tfisser biss li tgħaddi tagħha dejjem u l-ħin kollu.
“M’hemm ebda raġuni valida għaliex in-nomina ta’ eks Imħallef hija aċċettabbli u ta’ eks Prim Imħallef ieħor, le,” qal il-Partit Laburista wara li l-Partit Nazzjonalista qal li se jivvota favur in-nomina tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għall-kariga ta’ Ombudsman.
Il-Partit Laburista appella biex il-Gvern jieħu l-passi meħtieġa biex iż-żewġ karigi jimtlew.
L-Erbgħa filgħodu, qabel il-Partit Nazzjonalista ddikjara l-pożizzjoni opportunistika tiegħu, l-Prim Ministru kien diġa’ tkellem b’mod ċar dwar dan is-suġġett.
“Id-diffikultà hija l-Kap tal-Oppożizzjoni, għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni, madwar il-mejda tad-diskussjoni, jissenjala l-approvazzjoni tiegħu mbagħad imur lura fi ħdan il-partit tiegħu u dawk li verament qed imexxu lill-Partit Nazzjonalista llum, iqajmu d-diffikultajiet tagħhom.”
Il-Prim Ministru qal li dejjem sostna li mhux se jieħu pożizzjoni li n-naħa tal-Gvern timponi ir-rieda, iżda l-Oppożizzjoni trid tgħaddi tagħha f’kollox.
“Qadt attent ħafna li ma nressaqx ’il quddiem ismijiet li jistgħu jkunu kontroversjali jew diffiċli għall-Oppożizzjoni biex taċċetta propju biex b’ebda mod din in-naħa ma tiġi akkużata li b’xi mod qed timponi r-rieda tagħha. Però fid-dawl ta’ dan l-impass issa li għandek Oppożizzjoni li filli tgħidlek taqbel u filli jkun hemm ir-ripensamenti allura jekk se nibqgħu f’dan l-istat mhux aċċettabbli li dawn il-karigi jibqgħu battala u jekk mhux se nilħqu qbil fuq il-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards, għax hemmhekk huwa permissibbli li ndaħħlu an anti deadlock mechanism, jekk se nibqgħu mwaħħlin għal ebda raġuni valida f’dan l-impass allura n-naħa tal-Gvern tkun lesta li tikkunsidra ddaħħal an anti deadlock mechanism biex din il-ħatra tkun tista’ eventwalment timtela’.”